Ilna għal dawn l-aħħar xahrejn naraw u nsegwu l-imblokk ta’ ikel u prodotti essenzjali f’Gaża. Imblokk li qiegħed letteralment joqtol in-nies bil-ġuħ. Ma ninsewx li ħafna minn dawk li qegħdin ibatu huma nisa u tfal. Il-filmati u ritratti li qegħdin joħorġu minn Gaża huma ta’ qsim il-qalb.
Dan l-imblokk ġie impost fit-2 ta’ Marzu. Proprju fl-aħħar sigħat rajna żvilupp ieħor marbut ma’ dan l-imblokk. L-attakk li sar fuq bastiment b’għadd ta’ voluntiera li kienu se jwasslu ikel u prodotti essenzjali f’Gaża. L-attakk seħħ meta l-bastiment kien ftit il-barra mill-ibħra territorjali Maltin. Azzjoni li minnha nfiha twassal messaġġ. Messaġġ li jixxukkjak.
Dan l-imblokk jirrifletti ħaġa waħda. Il-morali dejjem jiddgħajjfu ta’ Iżrael u tal-komunità internazzjonali, li tinsab ċassa quddiem din il-katastrofi umana.
Għax ejja ngħiduha kif inhi – x’hemm x’jiġġustifika aktar minn xahrejn fejn idel, ilma u provvisti essenzjali jiġu imblukkati. U ejja ma ninsewx min qiegħed ibati bil-kbir minn dan – tfal u nisa.
U allura meta naraw dawk il-filmati u ritratti xokkanti ta’ tfal bil-borom jew reċipjenti jistennew jew fi kjuwiet kbar, iffullati jippruvaw jitrejqu b’xi ħaġą żgħira. Xokkanti ir-ritratti ta’ tfal fi stat ta’ malnutrizzjoni. Nistaqsu kif jista’ xi ħadd jasal li juża l-arma tal-ġuħ fuq dawn il-persuni? Xi ħtija għandhom dawn? Fuq kollox fejn huma l-Konvenzjonijiet Internazzjonali? X’ġara minnhom? Għaliex dan is-skiet quddiem din it-tbatija bla qies?
Hi inaċċettabbli li tagħmel imblokk ta’ ikel, mediċini u affarijiet oħra essenzjali u ġġibu bħala arma tal-gwerra. Dan hu dak li qed iwettaq Iżrael f’Gaża. Imblokk li qed jintuża bħala għodda tal-gwerra.
U quddiem dak li qed jiġri, quddiem din it-tbatija li għaddejjin minnha tfal innoċenti ma nistgħux ma nistaqsux fejn hi l-Unjoni Ewropea. Is-silenzju tal-Unjoni Ewropea u l-indifferenza li qiegħda turi għal din il-kriżi umana, hi inaċċettabbli. Din l-Unjoni Ewropea mibnija fuq is-solidarjetà, illum qegħdin narawha ħalqha magħluq u bla ebda ħeġġa biex itemm din it-tbatija umana.
Tbatija li jum wara jum qiegħda tiggrava. In-nies f’Gaża jekk tkellimhom jgħidulek li l-ħajja qiegħda ssir dejjem aktar diffiċli minn jum għal ieħor. Jgħidulek li l-ħajja saret insapportabbli. Jgħidulek li ma jifilħux iżjed. Jgħidulek li qegħdin ibatu l-ġuħ. Moħħhom dejjem jaħseb x’se jagħmlu biex ikollhom l-ikla li jmiss.
Imblokk li wassal biex minħabba li naqas bil-kbir l-ikel għolew il-prezzijiet. Għajnuniet mhux jaslu. Organizazzjonijiet umanitarji wissew li kienu qegħdin iqassmu l-aħħar provvisti u dan għax l-imħażen tbattlu mill-provvisti. U sadanittant il-poplu f’Gaża jiġġieled għal ftit ikel li fadal.
U li jħallik skantat u diżappuntat quddiem dan kollu hu l-mod kif il-komunità internazzjonali għajr xi eċċezzjonijiet żgħar, tinsab siekta. Il-mistoqsija tagħna, li sa issa m’għandniex tweġiba għaliha hi ċara: meta se nwaqqfu dan l-imblokk? Meta se tirrenja l-paċi?