Saturday, December 21, 2024

“Abbandunawh… sibtu f’agunija, imbeżża’ li se jmut… kont ixxukkjata”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Caroline Galea li lbieraħ sabet immigrant mal-art abbandunat fi triq wara li allegatament waqa’ żewġ sulari waqt xogħol ta’ kostruzzjoni

“Ma rridx immur il-ħabs, ma rridx immur il-ħabs”. Dawn kienu l-ewwel kliem li lissen immigrant li nstab mitluq fuq bankina lbieraħ filgħodu. Kien f’agunija. Inzerta għaddejjin mill-post nies, li m’għamlux kif jidher li għamlu oħrajn u baqgħu sejrin iżda waqfu biex jagħtu l-għajnuna. Kif marru ħdejh l-ewwel ħaġa li qalilhom bi tbatija kienet li ma jridx imur il-ħabs. “Qegħdin hawn biex ngħinuk”, kienu l-kliem li qalulu l-persuni Maltin li waqfu jgħinuh.

L-istorja li ssegwi wara tħallik bla kliem. Caroline Galea, li kienet waħda minn erba’ persuni li sabu lil dan l-immigrant mitluq fuq il-bankina meta kkummentat ma’ dan is-sit qaltilna li “sibtu f’agunija. Kien imbeżża’ li se jmut. Jien kont ixxukkjata.” Għall-bidu ħasbet li kien tah xi attakk tal-qalb.

Jistaqsuh x’jismu u minn hemm issir magħrufa l-istorja ta’ kif spiċċa fuq dik il-bankina, bogħod minn għajnejn in-nies. 

Allegatament Caroline Galea tgħid li, “dan ir-raġel waqa’ żewġ sulari f’binja ta’ kostruzzjoni waqt li kien qed jaħdem.” Jidher li wara li ġara dan, lir-raġel qalulu li kienu se jeħduh lejn l-isptar. Fil-fatt jidher li għabbewh f’karozza. Għal raġunijiet li għadhom mhux magħrufin, ir-raġel ma spiċċax l-isptar imma spiċċa mitluq fuq bankina fl-inħawi tal-Mellieħa eżattament ħdejn il-park tal-familja f’Selmun.

Caroline Galea meta tkellmet ma” L-ORIZZONT qaltilna li: “jiena ma kontx l-ewwel waħda li sibtu. Ħdejh kien hemm tliet persuni oħra. Anki huma kienu qed jippruvaw jgħinuh. Jien li għamilt kien li poġġejt bilqiegħda ħdejh u bdejt nipprova ngħidlu jħares lejja. Bdejt ngħidlu biex jieħu in-nifs. Għedtlu wkoll li konna qegħdin hemmhekk biex ngħinuh. Spjegajtlu li ma konniex se nħalluh waħdu”.

Għaliex sar hekk? Għax kien qed jaħdem bla permess?

Caroline Galea fil-kummenti tagħha lil Talk.mt qaltilna li “nemmen li dak li ġara lil dan ir-raġel hi xi ħaġa sintomatika ta’ problema ħafna akbar f’dan il-pajjiż. Din hi dik ta’ kif qed nitrattaw ma’ immigranti li qegħdin f’pajjiżna. Ma’ dawn hemm in-nuqqasijiet fis-saħħa u sigurtà fuq il-lantijiet tax-xogħol għall-immigranti.”

Caroline tgħidilna li “possibbli wasalna f’dan il-punt pajjiżna fejn tidħol is-saħħa ta’ umani bħalna? Jien kont ixxukkjata bil-mod kif is-sid li kien qed iħaddmu abbandunah. Nittama li din l-istorja twassal biex jibdew jinbidlu l-affarijiet fejn jidħlu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u l-mod kif qed jitħaddmu l-barrranin f’xi siti”. 

Hi tgħid li “għaliex ġie abbandunat hekk? Għax kien qed jaħdem bla permess? Ir-raġel imweġġa’ serjament kif kien, beda jgħidilna li ma jridx imut u li ma riedx imur il-ħabs. Beda jgħidilna b’mod kontinwu biex ngħinuh. Kien imbeżża’ ħafna biex jgħid min għamillu hekk”.

Talk.mt infurmat li l-Pulizija qed jinvestigaw

Talk.mt huwa infurmat li l-Pulizija ġiet infurmata bil-każ u qed tinvestiga. Fil-fatt il-Pulizija u anke tim mediku marru fuq il-post f’Selmun u taw l-ewwel assistenza lil dan l-immigrant. L-investigazzjoni jidher li se tkun qed tiffoka fuq fejn kien qed jaħdem dan ir-raġel biex min hemm tistabbilixxi min hu responsabbli minn dak is-sit. 

Sadanittant, il-Pulizija fi stqarrija li ħarġet qalet li l-vittma huwa raġel ta’ 32 sena mill-Ghana, li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. Il-Pulizija qiegħda tkellem raġel Malti b’rabta mal-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

L-inumanità fl-aqwa tagħha… “każ ċar tar-regħba fost xi sidien”

Dwar dan il-każ waslulna għadd ta’ kummenti. Ħafna minnhom jitkellmu dwar kif qed tkompli tispikka l-inumanità b’mod partikolari mal-ħaddiema barranin.

Kumment li waslilna kien jgħid li: “għal darba oħra qed naraw ħaddiem barrani trattat b’inumanità kbira. Forsi dan il-każ għamel ħoss għax tħalla fuq bankina. Imma konxji ta’ kemm ikun hemm ħaddiema li jweġġgħu fuq il-post tax-xogħol u jitħallew għal riħhom. Qed nitkellem fuq immigranti. Jibżgħu juru. Jibqgħu ibatu bl-uġigħ. Xi drabi jispiċċaw jiġu l-isptar wara ħafna żmien”.

Kumment ieħor kien jgħid li “meta jitwettaq att bħal dan, tara x’liema livell wasalna. L-umanità tagħna spiċċat. Kif tista’ ħaddiem li kien qed itik servizz fejn f’moħħi bħalissa qed nipprova nifhem kemm kien qed jitħallas u b’liema kundizzjonijiet kien qed jaħdem, flok tieħu l-isptar titfgħu fuq bankina fi triq li ejja ngħidu li hi ftit diżabitata. Nittama li ssir ġustizzja malajr kemm jista’ jkun. Qed nistennew li min hu responsabbli minn dan jitressaq l-Qorti malajr kemm jista’ jkun. Ma naħsibx li għandha tkun diffiċli ħafna biex il-Pulizija tasal għal fejn kien qed jaħdem dan l-immigrant”, qaltilna din il-persuna.

Ekonomija

Sport