Wednesday, July 24, 2024

Abbozz li se jirregola aħjar l-importazzjoni u l-moviment ta’ proprjetà kulturali f’Malta

Aqra wkoll

Fl-ewwel seduta parlamentari għal din is-sena, li saret wara l-btajjel tal-Milied, ġie diskuss l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali, li l-għan tiegħu huwa dak li jirregola b’mod aħjar l-importazzjoni u l-moviment ta’ proprjetà kulturali f’Malta.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li dan l-abbozz jixhed l-avvanzi li qiegħda tagħmel Malta fl-isfera internazzjonali, u li se jagħmel differenza fil-ħajja ta’ ħafna nies li għandhom imħabba partikolari lejn l-arti u l-kultura.

Huwa spjega kif dawn in-nies, kulma jkunu jridu huwa l-komfort li jekk pereżempju se jġibu pittura magħhom f’Malta wara li jiddeċiedu li jiġu jagħmlu xi żmien jgħixu hawn, ma jsibux diffikultà mill-awtoritajiet meta jiġu biex jerġgħu jiħduha lura f’pajjiżhom.

“Din hija sitwazzjoni li ridna nsolvu għax nafu li hawn diversi nies li jħobbu l-arti, li jixtiequ jiġu biex jiftħu negozju, anke għaliex jaraw lil Malta bħala post fejn jistgħu jgawdu mal-għeżież tagħhom,” qal il-Ministru Bonnici.

“Qed ngħidu illi oġġetti li jkunu deħlin fil-pajjiż minn persuni li jkunu se jieħdu residenza temporanja fil-pajjiż, jinħareġ ċertifikat validu għal 10 snin – li jkun jista’ jiġġedded – li jiċċertifika li dawn l-oġġetti huma eżentati mid-dritt ta’ preferenza u għaldaqstant jistgħu jerġgħu jinħarġu mill-pajjiż ladarba r-residenza tas-sid tispiċċa.”

Il-Ministru Bonnici temm jisħaq li jekk ma jsir xejn hemm ir-riskju li dawn il-pitturi jew ma jiġux f’pajjiżna, jew agħar minn hekk persuna li trid tinvesti f’Malta taħsibha darbtejn biex tinvesti.

Min-naħa tagħha, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Arti u l-Kultura Julie Zahra qalet li rridu nkunu ċerti kif se nkunu qed niggarantixxu li Malta ma tintużax bħala mezz għal fini ta’ moviment b’mod illegali ta’ tali oġġetti kulturali.

Zahra qalet li l-liġi trid tkun ċara għaliex fi kliemha din ma tagħtix is-salvagwardji neċessarji la għal pajjiżna u lanqas għal istituzzjonijiet internazzjonali li aħna parti minnhom.

Tenniet ukoll li l-patrimonju kulturali għandu jkun protett bi kwalunkwe forma u mod kemm legali, soċjali u morali kontra l-miżapproprjazzjoni tiegħu għax dak jiġi reat mhux biss kontra l-Istat iżda kontra l-memorja kollettiva tagħna lkoll.

Ekonomija

Sport