Huwa fatt innegabbli li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista hija waħda mwegħra. Id-dejn rikibhom waħda sew. Il-ħruġ huwa ferm akbar mid-dħul u dan b’rata kostanti. L-akbar attentati ddisprati f’tali sitwazzjoni min-naħa tal-Partit Nazzjonalista kienu li jippruvaw iraqqgħu l-pannu bil-qara’ aħmar. Kien hemm ukoll l-istrateġija ta’ iknes kollox lejn taħt it-tapit. U dan b’diversi modi. Fl-opinjoni tiegħi l-akbar attentat b’dan il-mod seħħ taħt il-Kap Nazzjonalista preċedenti għal dak tal-lum, Bernard Grech.
Taħt Bernard Grech, għal xi raġuni jew oħra, sparixxew l-awdituri preċedenti. Taħt Bernard Grech saret problema serjissima li jkunu pubblikati l-kontijiet tal-Partit Nazzjonalista. Ir-raġunijiet li beda jġib għal dan in- nuqqas gravi u ta’ insult, ngħid jien, lejn it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista kienu redikoli. Inkredibbli. Daqqa jgħid li ma setgħux isibu awdituri. Daqqa jgħid li dawn iridu l-ħin tagħhom għax mhux faċli daqskemm wieħed jaħseb biex tagħmel il-kontijiet ta’ partit politiku. U għaddej, l-aqwa li ma jippubblikax il-kontijiet.
Insomma Bernard Grech spiċċa, telaq, minn Kap u legat ewlieni li ħalla warajh kien in-nuqqas li jkunu pubblikati r-Rapporti Finanzjarji tal-Partit Nazzjonalista. Sadattant baqa’ jakkumula d-dejn. Tant kienet, u għadha, imwegħra s-sitwazzjoni finanzjarja li biżżejjed jingħad li waħda mill-miri ewlenin li stabbilixxa l-Kap Nazzjonalista l-ġdid, Alex Borg, għall-ewwel 100 jum tiegħu bħala Kap kienet li jippubblika r-Rapport Finanzjarju!!!!!!!!!!!!!!!! Xi ħaġa fost l-aktar naturali u b’mod regolari u obbligatorja, minn kull istituzzjoni u organizzazzjoni żgħira kemm hi żgħira u kbira kemm hi kbira. Aħseb u ara minn partit politiku li qed jaspira li jkun qed imexxi l-pajjiż wara l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss.
U dan iġibni għat-titlu tal-kummentarju tal-lum. Minn dak li kien pubblikat u mill-indaġni li saret dwaru, jirriżulta li l-Kap Nazzjonalista prova jaqsam f’biċċiet id-dejn li għandu l-partit biex b’hekk iċ-ċifra ma tkunx tidher daqstant kbira. Għax bħal donnu billi tgħid li dak l-ammont ta’ dejn jgħajjat lit-tali fergħa, it-tali ammont jgħajjat lit-tali fergħa l-oħra, il-friegħi, huma kemm huma, mhux mill-istess zokk ħerġin! Mhux parti mis-siġra!
Imma mhux hekk biss. Abbuż sfaċċat min-naħa tal-Partit Nazzjonalista joħroġ mill-fatt li filwaqt li lill-ħaddiema tiegħu, f’kull fergħa, il-Partit Nazzjonalista kien inaqqsilhom mill-paga dak dovut f’bolla u taxxa biex, kif inhu OBBLIGAT, jgħaddihom lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni, il-Partit Nazzjonalista kien qiegħed iżommhom għandu biex jaħdem bihom. Kien qed jipprattika dak li kien jgħajjat għalih: li l-Istat jiffinanzja lill-partiti politiċi.
Sakemm il-Partit Nazzjonalista kien qed ikollu l-kontijiet tiegħu verifikati, fis-sena 2015 kellu jagħti lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni, lill-Gvern, €458,372, flus miġbura mill-pagi tal-ħaddiema. F’ħames snin dan l-ammont niżel, fis-sena 2020, għal €184,016. Meta l-Partit Nazzjonalista, taħt Bernard Grech, ma ppubblikax aktar il-kontijiet tiegħu dan l-ammont sploda għal €582,389. Meta tnaqqas ċifra minn oħra ssib li l-Partit Nazzjonalista ħa madwar €400,000 mill-pagi tal-ħaddiema tiegħu biex jiffinanzja lilu nnifsu u lil waħda mill-friegħi tiegħu, Medialink.
F’idejk jekk taħsibx li din kienet waħda mir-raġunijiet li għalihom EBDA awditur serju ma jkun lest jidħol biex jagħmel verifika jekk ikollu sarima bħal din u kien għalhekk li Bernard Grech ma rnexxielux isib awditur.
Imma lura għal Alex Borg. Jidhirli li qrajt x’imkien li meta lill-Kap Nazzjonalista staqsewh fuq il-fatt li l-Partit Nazzjonalista ma kienx qed iħallas il-bolla tal-ħaddiema u li dan seta’ jaffettwalhom il-pensjoni, fost affarijiet oħra, wieġeb li ma kienx hemm dan il-periklu għax hemm il-Gvern jagħmel tajjeb! Prosit ħej! Tajba u tagħli din!
Immaġina kieku kull kumpanija u kull azjenda f’Malta u Għawdex, kellha tieħu l-eżempju tal-Partit Nazzjonalista fir-rigward tal-bolla tal-ħaddiema, kif nispiċċaw. Possibbli mhux jirrealizza Alex Borg li dak li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista huwa abbuż sfaċċat? Possibbli li jieħu għalih jekk xi ħadd jgħidlu li dak li qed jagħmel huwa SERQ ta’ flus il-poplu? Possibbli mhux qed jirrealizza li qed jagħti eżempju mill-aktar ħażin?
Jista’ l-Kummissarju tat-Taxxi Interni jgħidilna x’inhi l-pożizzjoni tad-Dipartiment tiegħu f’tali sitwazzjoni? Ittieħdu l-passi dovuti fir-rigward ta’ tali nuqqas u abbuż sfaċċat? Ir-riga li intużat mal-Partit Nazzjonalista hija l-istess riga li tintuża ma’ Sidor li għandu żewġ ħaddiema miegħu fuq xogħol żgħir ta’ kostruzzjoni? Hija l-istess riga li tintuża ma’ Karmnu li għandu ħanut żgħir tal-merċa u li miegħu għandu taħdem lil bintu? Jew mhux kulħadd qiegħed taħt l-istess xemx?
Ikolli ngħid li veru li Alex Borg mhux inkwetat minn tali sitwazzjoni. X’inhi l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront ta’, per eżempju, fejn jirrigwarda kontijiet tad-dawl u l-ilma? Il-Partit Nazzjonalista kemm għandu jagħti, jekk għandu jagħti, f’kontijiet tad-dawl u l-ilma?
U l-istorja taċ-ċedoli, il-flus mislufa lilu mit-tesserati, fost oħrajn, fejn waslet? Se jitħallsu lura fiż-żmien dovut? Jew qed jittama li dawn ikunu regalati lill-partit? J’Alla l-ġid.
Finalment, ilumni l-Partit Nazzjonalista jekk nitħasseb mhux ftit meta narah jabbuża sfaċċatament minn flus il-ħaddiema tiegħu stess meta qiegħed fl-Oppożizzjoni aħseb u ara x’jagħmel minn flus il-poplu jekk ikun fdat bl-amministrazzjoni tal-pajjiż?




