Monday, December 23, 2024

Abe kien wieħed mill-ewwel ħbieb li għamilt fl-isfera internazzjonali

l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’kumment lil Talk.mt

Aqra wkoll

Ħafna kienu xxukkjati lbieraħ jaraw il-mod kif l-eks Prim Ministru Ġappuniż Shinzo Abe intlaqat minn żewġ tiri waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-belt ta’ Nara. Hu spiċċa miet ftit ħin wara. Ir-raġel li sparalu kien fil-Qawwa Navali Ġappuniża.  Abe, kien ġie f’pajjiżna fis-sena 2017 u l-ħbiberija li kellu ma’ l-eks Prim Ministru Joseph Muscat mhux biss wasslu biex isaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi imma anke infetħet ambaxxata Maltija fil-Ġappun.

Talk.mt ħa l-kumment ta’ l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, dwar il-ħbiberija ta’ bejniethom.

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li “Shinzo Abe kien wieħed mill-ewwel ħbieb li jien għamilt fl-isfera internazzjonali.  Iltqajt miegħu għall-ewwel darba  fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York. Kien impressjonani bit-tagħrif li kellu dwar il-prezzijiet tas-suq tat-tonn Malti fil-Ġappun.  Minn dakinhar ‘l quddiem bqajt f’kuntatt regolari.  Erġajna iltqajna diversi drabi fl-isfera internazzjonali u anke bi żjarat reċiproki f’Malta u Tokjo”.

Enfasizza li “l-konversazzjonijiet miegħu kienu jvarjaw mix-xjenza marbuta mal-“Hanabi” (piroteknika fil-Ġappun), il-kultura pop Ġappuniza li aħna f’Malta tant esposti għaliha minħabba it-televiżjoni Taljana.  Konna nitkellmu fuq it-table tennis fejn hu kien tagħni ‘racket’ li jien kont tajtha donazzjoni lill-iSpecial Olympics meta Michell mexxiet it-talba għal dan il-logħob f’Malta. Konna ukoll nitkellmu fuq ideat tal-ħajja wara l-politika.”

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat fil-kummenti lil Talk.mt qalilna li “matul iż-żjara tiegħu f’Malta, il-librerija nazzjonali kienet għamlet esebizzjoni temporanja dwar baħrin Ġappuniżi li kienu stazzjonati f’Malta matul l-Ewwel Gwerra Dinjija. Konna bqajna skantati meta sirna nafu li ħafna minn dawk is-suldati kienu ġejjin ill-belt fejn għex hu.  Shinzo kien qalilna li kien jaf diversi familji ta’ dawk is-suldati. Din għenet biex issaħħew ir-rabtiet ta’ bejnietna.   Il-ftuħ tal-ambaxxata Maltija f’Tokjo kienet pass naturali tal-ħbiberija ġenwina bejnietna. Jien u Michelle nibagħtu l-kondoljanzi lill-familjari u lill-poplu tal-Ġappun”. 

Ekonomija

Sport