Friday, December 13, 2024

Abela jżid fil-fiduċja qalb tisbit tas-saqajn tal-PN

Aqra wkoll

F’diversi okkażjonijiet il-Prim Ministru Robert Abela kien mitlub iwieġeb dwar meta se tkun qiegħda ssir l-elezzjoni ġenerali li jmiss. S’issa diġà kellna żewġ dati partikolari jiċċirkolaw fil-midja. Skont xniegħa li bdiet tiċċirkola fil-midja fi żmien li fih nqara baġit pożittiv ieħor mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, sa ftit tal-minuti wara, Abela kien bil-mikrofonu ma’ wiċċu mistoqsi dwar jekk l-elezzjoni kinitx se ssir f’Novembru. Illum, ftit ġimgħat wara din ix-xniegħa li ma waslet imkien, fil-midja qiegħda tiċċirkola data oħra, dik tat-12 ta’ Marzu. Interessanti l-paragun bejn iż-żewġ mexxejja f’dan ir-rigward. Fuq naħa għandek lill-Prim Ministru Robert Abela li bil-kalma kollha, mingħajr ebda forma ta’ ċaħda, isostni li d-data li titħabbar għandha tkun motivata minn ħaġa waħda biss, li hija fl-aħjar interess nazzjonali”. Fuq in-naħa l-oħra għandna lill-Kap tal-Oppożizzjoni li minkejja li jgħid li “huwa ċar li l-Partit Laburista jimpurtah biss kif se jasal għall-elezzjoni”, mitluf wara din il-fissazzjoni saħansitra joħroġ jgħid li Il-Prim Ministru kien se jagħmel elezzjoni iżda xi ħaġa ġara wara li tkellem hu.

Meta nitkellmu dwar numri hemm distinzjoni oħra bejn iż-żewġ partiti l-kbar. Żewġ rebħiet tal-Partit Nazzjonalista ta’ madwar 13,000 vot fuq il-Partit Laburista fid-disgħinijiet kienu segwiti minn stqarrijiet ta’ rebħiet kbar u saħansitra kellek sejħiet ta’ fejn huma l-Laburisti, daqslikieku ma kienx hemm għalfejn isiru aktar elezzjonijiet għax kien baqa’ biss il-Partit Nazzjonalista. Ta’ min infakkru wkoll iż-żmien li fih il-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien ħareġ bl-għajta li l-Partit Laburista kien se jitfa’ lill-pajjiż “Gas down ġol-ħajt”. Il-Kap ta’ qablu kien ħareġ bl-għajta li “Fit-9 ta’ Marzu nivvutaw u fl-10 ta’ Marzu niċċelebraw”. Ġara iżda li l-poplu bħal donnu għaraf il-kilba tagħhom għall-poter u konsegwentament spiċċaw sofrew telfiet elettorali massiċċi li ssarrfu fir-riżenji tagħhom rispettivament.

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-Partit Laburista. Kien proprju l-eks Prim Ministru Joseph Muscat li fl-2013 kiseb maġġoranza li qatt ma kienet inkisbet. Dak iż-żmien Muscat kien tela’ bl-għajta li kulħadd se jsib il-bieb miftuħ fil-moviment Laburista u appella għall-għaqda. Fl-elezzjoni ta’ wara, minkejja li kien favorit li jikseb maġġoranza kbira oħra, Muscat kien qal li r-rebħa titħabbar biss mir-riżultati u li jeħtieġ li kulħadd imur u jivvota skont il-kuxjenza tiegħu bla ma jħalli n-numri jinfluwenzawh. Il-Prim Ministru Robert Abela se jkun qiegħed jaffaċċja l-ewwel elezzjoni bħala mexxej u minkejja li din forsi tagħti lok għal xi pressjoni dwar jekk huwiex se jirnexxielu jżomm il-maġġoranza li nkisbet fl-aħħar żewġ elezzjonijiet, Abela kien ċar ukoll meta qal kull elezzjoni titlaq minn “xejn b’xejn”. 

Intant il-Prim Ministru Robert Abela f’waħda mit-tweġibiet riċenti qal li sa Ġunju l-elezzjoni tkun saret żgur. Skont ir-riżultati tal-istħarriġ ippubblikat fil-gazzetta IT-TORĊA meta mqabbel mar-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali, mistennija żieda ta’ 1.0% għall-Partit Laburista, tnaqqis ta’ 1.3% għall-Partit Nazzjonalista u żieda ta’ 0.3% għall-ADPD jew oħrajn. Aktar interessanti minn hekk huwa l-fatt li fost il-votanti li fl-aħħar elezzjoni vvotaw lill-Partit Nazzjonalista, hemm sebgħa fil-mija li wieġbu li jemmnu li Robert Abela huwa l-aħjar mexxej biex imexxi lill-pajjiż. Dan ifisser li f’din l-ewwel elezzjoni tiegħu bħala mexxej, minkejja sfidi kbar li kellu jaffaċċja u deċiżjonijiet li kellu jieħu, Abela jidher li żamm il-polz tal-poplu.

Jidher li l-Partit Nazzjonalista għandu verità qarsa x’jixtarr u li r-riżultat se joħloq biss aktar inċertezzi interni. Il-mibegħda u l-attakki personali ma jwasslu għal imkien. Ironikament jew mhijiex tintebaħ jew agħar minn hekk qiegħda tagħżel li tibqa’ ssabbat saqajha f’din il-kilba għall-poter.

Ekonomija

Sport