Żagħżugħ ta’ 22 sena li aċċetta li jqabbad karozza għax kellu bżonn il-flus tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal żmien tliet snin wara li wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.
Qabel tagħtu s-sentenza, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella, qalet li mhux se taċċetta li xi ħadd għax għandu bżonn il-flus jew ikollu xi pressjoni minn sħabu jmur wara l-karozza ta’ xi ħadd u jagħtiha n-nar.
Barra minn hekk, trid tipproteġi mhux biss lill-vittma u lil min forsi jkun għaddej mit-triq jew joqgħod fl-inħawi imma wkoll lill-membri tas-sigurtà u lill-pumpiera li jmorru jitfu dawn il-vetturi li jkunu qed jaqbdu. “B’hekk għandu jintbagħat messaġġ ċar li min jilgħab man-nar fl-aħħar jinħaraq,” qalet il-Maġistrat Vella.
Il-każ seħħ fil-lejl ta’ bejn l-4 u l-5 t’Awwissu 2022, fi Triq il-Merħba, il-Fgura, meta sar rapport dwar ħruq ta’ vettura tal-għamla Toyota Vitz li sar minn terzi li kienu joqogħdu fil-viċinanzi.
Il-vittma kkuntattjat lill-pulizija wara li sabet xi missed calls mingħandhom u qalet li kienet ipparkjat il-vettura fejn inħarqet nhar it-3 ta’ Awwissu 2022, għall-ħabta tal-5.30 p.m..
Il-vittma qalet li ma kienet qiegħda tissuspetta f’ħadd. Mill-investigazzjonijiet li għamlet il-pulizija wasslet biex arrestat lill-imputat nhar it-2 ta’ Novembru 2022 fejn ikkollabora magħhom u sussegwentement inbdew il-proċeduri fil-konfront tiegħu.
Testa ġie mixli li ta n-nar vettura, li għamel ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor u li sar riċediv.
Fil-Qorti, l-Ispettur Mario Xiberras spjega li huwa kien kellem lil sid il-vettura li qaltlu li kellha xi argument ma’ persuna u li dan kien dejjem ikun mal-imputat u talab il-mobile localisation tagħhom. Xehed li skont il-mobile tiegħu huwa kien fuq il-post fil-ħin tal-ħruq.
Spjega li l-imputat ikkopera bis-sħiħ mal-investigaturi u semma wkoll xi persuni oħra li kienu miegħu. L-investigatur spjega li l-ħsara fuq il-vettura skont il-vittma kienet ta’ madwar 300 ewro.
Fl-istqarrija tiegħu, l-imputat jgħid li lill-vittma ma jafhiex iżda l-persuna li l-vittma kellha xi tgħid miegħu kien ilu biex ipattihielha. Qal li ltaqa’ ma’ persuna oħra li kien tah €1,000 biex jaħraqilha l-vettura u hu aċċetta għax kellu bżonn il-flus.
Il-Maġistrat Monica Vella nnotat li kieku mhux għax ikkollabora mill-ewwel mal-pulizija kif ukoll li ammetta fit-tieni seduta, kienet se tagħtih sentenza effettiva ta’ ħabs.
Il-Qorti qieset ukoll iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ u tat l-aħħar opportunità lill-imputat sabiex jagħmel ħiltu kollha u jibqa’ fit-triq tas-sewwa, li dan kienet qiegħda tagħmlu biss minħabba l-età tiegħu billi tqis li għadu fil-ħin li jirranġa t-triq “imbenġla” li qabad u jagħmel ħajja pożittiva għall-futur tiegħu.
Però għamlitha ċara li fin-nuqqas ta’ dan, dawn il-Qrati mhu se jħallilhom l-ebda triq oħra ħlief li jinkarċerawh. Kien għal dawn ir-raġunijiet li sabitu ħati tal-akkużi u poġġietu taħt ordni ta’ probation filwaqt li ordnatlu jħallas €466 fi spejjeż tal-Qorti.