Sunday, December 22, 2024

ACI Europe tippremja t-titlu tal-Aqwa Ajruport lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rebaħ l-unur prestiġjuż tal-Aqwa Ajurport skont id-daqs, fil-kategorija tal-ajrurporti li jilqgħu bejn 5 u 10 miljun passiġġieri fis-sena, waqt iċ-ċerimonja tal-Airports Council International (ACI) Europe Awards 2024 nhar l-Erbgħa filgħaxija. L-ajruport għeleb kompetizzjoni iebsa mill-finalisti l-oħra fl-istess kategorija: Brussels Charleroi Airport u Seville Airport.

It-titlu ngħata lil ajurporti li wrew ir-reżiljenza tagħhom fl-2023, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ ppjanar strateġiku, it-tmexxija tal-operat u l-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpanija.

Hekk kif l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta immira l-isforzi tiegħu lejn l-iżvilupp tan-netwerk tar-rotot tiegħu, id-diversifikazzjoni tal-flussi tad-dħul finanzjarju u t-trasformazzjoni tal-kampus tal-ajurport fl-2023, l-ajruport temm is-sena fost l-ajruporti bl-aħjar riżultati fi ħdan ir-reġjun tal-EU+, u pjan għal programm ta’ investiment ta’ €250 miljun.

“Mingħajr il-kontribuzzjonijiet ta’ kull membru tat-tim tal-Ajruport ta’ Malta u l-imsieħba tagħna, ma kienx jirnexxielna niksbu s-suċċess li kellna f’din l-aħħar sena,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg, filwaqt li rringrazzja lil kull impjegat tal-ajruport għall-isforzi kollettivi tagħhom. “Deħlin fi żmien ta’ trasformazzjoni għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn se nkomplu nsaħħu r-reżiljenza tal-operat tagħna biex ikollna ajruport li jilqa’ għall-futur. M’aħniex biss inħejju ruħna għall-ġejjieni, iżda l-ġejjieni qed infassluh aħna stess.”

Fid-dawl ta’ din il-viżjoni ta’ tkabbir, il-kumpanija tat bidu għall-proġett tal-espansjoni tat-terminal, bl-ewwel fażi mistennija titlesta fil-futur qarib, u kompliet il-proċess tad-diġitalizzazzjoni tal-vjaġġ tal-passiġġier permezz ta’ investiment f’tagħmir ġdid għall-kontrolli tal-bagalji tal-idejn. L-ajruport qed isaħħaħ ukoll l-infrastruttura fuq il-mitjar, fejn qed isir progress fl-iżvilupp ta’ Apron X u qed isiru preparamenti għall-kisi mill-ġdid tar-runway prinċipali.

Mil-lat operattiv, iż-żieda fil-kapaċità li tirriżulta minn dawn il-proġetti mhux biss se tippermetti lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex jilqa’ volumi ikbar ta’ passiġġieri, iżda se jgħin ukoll lill-impjegati tal-kumpanija sabiex ikomplu jipprovdu servizz mill-aqwa lill-istess passiġġieri.

Fl-istess ħin, il-kumpanija qed tara li jiġu integrati l-kunsiderazzjonijiet ambjentali f’kull aspett tal-operat tal-ajruport, bl-għan li tiżdied l-effiċenza waqt li jibbenefikaw aktar il-membri tal-komunità wkoll. Iktar informazzjoni dwar l-istrateġija tal-kumpanija sabiex tilħaq il-mira tagħha li telimina l-emissjonijiet tal-karbonju sal-2050 se tiġi ppubblikata fil-ġimgħat li ġejjin. 

Ekonomija

Sport