Wednesday, July 24, 2024

AD10S EL DIEGO … Diego is-‘Soċjalist’ u l-‘anti imperjalist’

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mktub Minn Victor Vella

Il-mewt ta’ Diego Maradona nhar l-Erbgħa fakkritni fl-Imnarja tas-sena 1986. Grupp ta’ tfal li għadna kif qbiżna l-10 snin konna miġburin quddiem it-televiżjoni se nsegwu l-finali tat-Tazza tad-Dinja. It-tama tagħna kienet li l-captain li tant konna nammiraw jerfa’ it-tazza. Mhux qed ngħid għal Maradona imma għal Karl Heinz Rummenigge.  Din kienet se tkun l-aħħar Tazza tad-Dinja għalih. It-tamiet kienu kbar. Il-logħba ma żvolġitx kif xtaqna. Il-Ġermanja tal-Punent kienet żewġ gowls minn taħt.  Fil-kamra skiet kbir. Lejn l-aħħar tal-logħba il-Ġermanja iġġib l-iskor indaqs.  Kien jonqos biss xi tmien minuti għal tmiem il-logħba. Qalbna bdiet tgħidilna li r-rimonta Ġermaniża kienet se twassal għal rebħa kif ġieli ġara. Imma fil-grawnd kien hemm min ħasibha mod ieħor. Ftit minuti wara t-tieni ġowl Ġermaniż, Maradona jġib lil Barruchaga waħdu u dan ma jfallix. L-Arġentina ta’ Maradona għelbet lil Ġermanja ta’ Briegel, Berthold, Brehme, Matthaus u Rummenigge. Kienet it-Tazza tad-Dinja li fiha Maradona kien protagonist. Għamel għedewwa kbar minħabba l-gowl li sejjaħlu l-id ta’ Alla, mal-Ingilterra. Fis-snin ta’ wara, kif ġara fis-snin ta’ qabel din it-Tazza tad-Dinja, hu saħħar lil ħafna bil-logħob tiegħu. 

Il-kontroversji ma’ naqsux. L-iskandli lanqas. Rajnieh ikun l-idolu ta’ ħafna fil-logħba tal-futbol mhux fl-Arġentina u Napli biss imma madwar id-dinja kollha. Bla dubju l-aqwa plejer ta’ kull żmien. Rajnieh ukoll jieħu t-tisbitiet u jaqa’ f’livelli mill-aktar baxxi. Fuq kollox bħal kull bniedem ieħor kellu it-tlugħ u l-inżul. Qatt ma waħħal f’ħadd għal dak li ġieħ ħażin.  Ma qgħadx lura milli jagħmel apoloġija meta ħass li għandu jagħmel dan. Fl-istess ma ddejjaqx jirrifjuta apoloġiji fi kwistjonijiet ta’  prinċipju. Ma ddejjaqx jeħodha ma’ dawk li għandhom il-poter. Qatt ma ddejjaq jikkritika lil min kien jisfrutta liż-żgħar. Ħadha kontrra l-Amerikani. Ikkritika lill-Knisja. Ikkritika lill-FIFA. Tħabbeb mad-dittaturi xellugin fl-Amerika Latina. Maradona kien is-Soċjalist li permezz tal-futbol, il-foqra ma baqgħux inviżibbli, kemm jekk f’Napli kif ukoll jekk fl-Arġentina.  Fuq kollox, tħobbu jew tobgħodu, Maradona, kien il-vuċi għal batuti, l-foqra u l-emarġinati. Kien il-bniedem li qatt ma nesa minn fejn telaq.

Maradona, għallem lil ħafna li dak li għal ħafna kien jidher impossibbli seta’ jsir possibbli.   B’ħajtu fil-logħba tal-ballun wera li fid-dinja dejjem għandek toħlom. Trid tibqa’ tipprova anke meta l-affarijiet ma jiġux kif tixtieqhom.  Maradona, liż-żgħar, lil batuti, lill-fqar ma ħallihomx inviżibbli.  Kien joħroġ minn triqtu u jgħinhom. Każ klasssiku jibqa’ dak ta’ logħba fl-aqwa tal-karriera tiegħu f’Napli. Logħba li saret f’għalqa kollha tajn. Il-klabb ma riedx li Maradona jilgħab fiha minħabba riskju li jweġġa’. Iżda hu mar xorta, għax permezz tagħha kienu se jinġabu fondi għal tifel marid.

L-attiviżmu ta’ Maradona… kien jitkellem kontra l-inugwaljanza

Nistqarr li wara dik it-Tazza tad-Dinja tas-sena 1986, bqajt insegwieh. B’mod partikolari kienu jinteressani l-messaġġi tiegħu. L-attiviżmu tiegħu. Matul il-karriera tiegħu u anke fis-snin ta’ wara  li rtira mill-futbol, El Diego kien spiss jitkellem kontra l-imperjaliżmu. Dikjarazzjoni importanti tiegħu  u li għamlet ħoss kienet dik meta qal li “jobgħod dak kollu li jiġi mill-Istati Uniti”. Snin wara meta laħaq Obama, rattab din il-pożizzjoni. Tispikka l-immaġini tiegħu is-sena 2005 meta George W. Bush żar l-Arġentina u hu kien ipprotesta billi libes flokk bil-kliem ‘Stop Bush”. Tkellem kontra l-gwerra fl-Iraq.

Maradona tħabbeb ma’ mexxejja xellugin bħal Hugo Chaveż u Fidel Castro, li kien iqisuha bħala it-tieni missier. Interessanti hu l-fatt li Maradona miet fl-istess jum li miet Fidel Castro, jiġifieri l-25 ta’ Novembru.

Kien jitkellem fil-miftuħ u ma’ kull okkażjoni li jsib kontra l-inugwaljanza. Kien qabad fuq dan mal-Papa Ġwanni Pawlu II. Maradona stess kien qabadha mal-Papa Ġwanni Pawlu II meta mar il-Vatikan. Fi kliem Marradona stess, “jien kont il-Vatikan u rajt is-saqaf impitter bid-deheb. Smajt lil Papa jitkellem fuq tfal foqra. Ma naqasx li jgħidlu ‘biegħ is-saqaf amigo. Għamel xi ħaġa”. 

Tbiegħed mill-Knisja Kattolika, imma wara reġa’ resaq lejha meta laħaq Papa Arġentin, il-Papa Franġisku.

Iġġieled il-korruzzjoni 

Maradona, m’għamilx bħal ħafna plejers oħrajn u żamm fommu sieket fuq il-korruzzjoni fil-futbol. Maradona ħareġ fil-miftuħ kontra dan.  Ikkitika bl-aħrax il-korruzzjoni fil-Federazzjoni tal-Futbol (FIFA), li hu kien qabbilha mal-mafja. 

Imma mhux biss, hu kien iġġieled ħafna biex ikun hemm union għal plejers tal-futbol. Fis-snin disgħin Maradona u plejers oħra prominenti waqqfu dik li tissejjaħ l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Plejers Professjonali tal-Futbol. L-għan  kien li din tiġġieled għad-drittijiet tal-plejers.

Jitħabbeb ma’ dittaturi, jiddikjara li ‘f’qalbi jien Palestinjan”… xellugi

L-attiviżmu tiegħu daħħlu ukoll fil-kawża Palestinjana. Ikkundanna lil Iżrael meta attakka l-Gaża.  Kien jappoġġja l-kawża Palestinjana u kien iddikjara li “f’qalbi jien Palestinjan’. Kien qal ukoll li “jien difensur  tal-poplu Palestinjan.  Nirrispettahom u nissimpatizza magħhom. Nappoġġja l-Palestina bla biża’”. Kien ammiraturr ta’ Che Guevara u kellu tattoo tiegħu f’idejh. F’saqajh kellu tattoo ta’ Fidel Casto. Kien ħabib u kien jappoġġja lil Hugo Chavez, Evo Morales u Fidel Castro.  Kien iddikjara li “jien nemmen f’Hugo u f’Chavez.  Jien Chavista. Kull ma jagħmel hu u Fidel, għalija hu l-aħjar”.

Kien tkellem dwar it-twemmin politiku tiegħu u kien qal li “jien mix-xellug. Fis-sens li jien irrid il-progress ta’ pajjiżi. Irrid li titjieb il-ħajja tan-nies u dan biex ikun hemm il-paċi u l-ħelsien.” 

“Aħna ma ninxtrawx. Aħna xellugin f’saqajna. Xellugin f’idejna. Xellugin f’moħħna.  Din irriduha nuruha lil poplu. Irridu nuruh li aħna ngħidu l-verità. Li aħna rridu l-ugwaljanza”, kien spiss jgħid Diego.

Bil-kummenti politiċi tiegħu ma naqsux li ssirlu kritiku kbira. Imma hu dejjem baqa’ sod u ma ċċaqlaqx pulzier. Kien spiss ifakkar f’dak li kien qallu Fidel Castro – “il-prinċipji mhumiex negozjabbli”.   Maradona kien sar wieħed li jiddefendi ħafna lil Kuba u kien affaxxinat bir-rivoluzzjoni u r-riformi soċjali li saru fil-pajjiż. F’Kuba hu kien ħa rijabilitazzjoni għall-vizzju tad-droga.   Lil Fidel Castro kien iqisu bħala ‘it-tieni missier’.

Kellu ukoll ammirazzjoni kbira lejn Chavez. “Hugo biddel il-mod kif taħseb l-Amerika Latina.  Qabel kien ikollna nbaxxu rasna għall-Amerikani. Chavez uriena li nistgħu nimxu waħidna”, iddikjara Maradona.

Hu kien ta’ l-appoġġ tiegħu lir-rivoluzzjoni Bolivjana u appoġġja lill-President Maduro. Tah l-appoġġ fi żminijiet diffiċli. Kien wassallu messsaġġ u qallu  “taqtax qalbek. Fil-futbol ma jimpurtax jekk titlef bi tlett gowls għal xejn. L-importanti ma taqtax qalbek”.

Ħajjet Maradona… mera tal-ħajja tal-bniedem

Dawk  li qatt ma ħamluh dejjem għafsu fuq id-djgħufijiet tiegħu. Jekk fil-grawnd kien ipaxxi lil kull min jarah, il-ħajja tiegħu kellha l-problemi tagħha. Fost dawn il-problema tal-abbuż tad-droga. Kien xokk għad-dinja sportiva it-tkeċċija tiegħu mit-Tazza tad-Dinja fl-Istati Uniti fl-1994.

Forsi minħabba it-talent straordinarju tiegħu fuq il-ballun, ħafna insew li El Diego kien ukoll uman. Se jiżbalja bħali u bħalek.  Laħaq il-quċċata u miss il-qiegħ ukoll. M’hemm ebda dubju li ħajtu hi riflessjoni ta’ ħajjitna ukoll.  El Diego ma kienx jaħbi l-emozzjonijiet tiegħu. Ma kienx jaħbi dak li jħoss. Ma kienx joqgħod jidħak quddiem il-cameras u jibki minn warajhom kif jagħmlu l-influencers illum.  El Diego kien uman ukoll.

Beda ħajtu f’subborg fqir barra Buenos Aires. Għex fil-faqar.  It-talent li kellu ħarġu minn dak il-faqar, għalkemm għal xi snin wara li rtira spiċċa bi problemi finanzjarji. Waqa’ fil-vizzju tad-droga u dam bih għal snin sħaħ. Ma ddejjaqx imma juri u ma ddejjaqx juri lid-dinja li kien lest jiġġieled dan il-vizzju billi mar għar-rijabilitazzjoni.  Kellu problema ta’ obeżità u ġġildilha ukoll.  Kellu problemi fil-familja. Dejjem imma refa’ responsabbiltà u qatt ma pponta subgħajh lejn ħadd.

Ħajtu hi tagħlima għalina u għal ta’ warajna. Illum El Diego m’għadux magħna. Jibqgħu it-tifkiriet. Leġġenda għall-Arġentina u n-Naplitani.  L-aħħar filmati tiegħu li xxandru, kienu juru bniedem bi problema ta’ obeżità. Filmati li ma tistax ma tgħidx ‘kif spiċċa’, waqt li tiftakar fil-ġirjiet spettakolari tiegħu fl-aqwa tal-karriera. 

It-traġedja ta’ Maradona hi dik li hu kien wisq sempliċi  biex jitgħallem il-logħba, mhux tal-futbol imma tal-ħajja. Id-dnubiet li tant kien hemm min tkaża bihom, tant kien hemm min neffaħ, tant kien hemm min tahom pubbliċità u li kien kastigat fuqhom, ma kinux id-dnubiet tiegħu imma kienu id-dnubiet tagħna. Id-dnubiet tas-soċjetà. M’hemmx dubju li Diego għallimna ħafna, anki bil-ħażin tiegħu.  J’alla s-soċjetà titgħallem minn din l-istorja. 

Ekonomija

Sport