Ħames snin ħabs għal allegat pjan terroristiku ta’ attakk virtwali fuq bini ċentrali
Il-logħba popolari ferm kemm mat-tfal kif ukoll mal-kbar, “Minecraft”, se tiswa l-libertà ta’ adoloxxent Russu ta’ 16-il sena wara li dak li suppost kien passatemp fuq il-kompjuter, huwa nstab ħati ta’ attentat ta’ terroriżmu mill-awtoritajiet lokali. F’aħbar mhux tas-soltu u fl-istess ħin inkwetanti, jingħad li dan iż-żagħżugħ weħel il-ħabs f’din l-età tenera u innoċenti għax allegatament kellu pjan li jisplodi b’mod virtwali l-bini tas-Servizzi tas-Sigurtà Federali (FSB) fil-logħba “Minecraft”.
Nikita Uvarov ingħata sentenza ta’ ħames snin ħabs u din id-deċiżjoni hija waħda minn għadd ta’ sentenzi oħra fuq żgħażagħ Russi taħt it-tmexxija tal-President Vladimir Putin fejn spiċċaw ikkastigati bi priġunerija fuq akkużi kontroversjali ta’ prevenzjoni tat-terroriżmu.
L-avukat Pavel Chikov qal li qorti militari fis-Siberja tat din is-sentenza fuq akkużi ta’ “taħriġ għal attivitajiet terroristiċi”. Is-smigħ ta’ din il-kawża sar wara bibien magħluqa.
Uvarov u żewġ adoloxxenti oħra fil-belt Siberjana ta’ Kansk ġew arrestati fis-sajf tal-2020 talli qassmu fuljetti b’turija ta’ appoġġ fil-konfront ta’ attivist anarkist u matematiku li jinsab għaddej ġuri fuq akkużi ta’ vandaliżmu.
It-tliet adoloxxenti waħħlu fuljetti fuq il-bini lokali tal-FSB, aġenzija b’poteri kbar li tħares is-sigurtà tal-pajjiż, li twaqqfet bħala suċċessur tal-KGB li kien jopera fl-era Sovjetika. Il-pulizija ħadulhom it-telefown u qalu li sabu komunikazzjonijiet bejn l-adoloxxenti inkwistjoni dwar pjanijiet biex jisplodu l-bini tal-FSB li ħolqu b’mod virtwali fuq il-logħba Minecraft.
Minecraft hija logħba fejn il-parteċipanti jingħataw blokok u materjal ieħor biex jibnu dak li jixtiequ fosthom djar, binjiet u bliet. Skont l-investigaturi, it-tliet adoloxxenti kienu qegħdin jitgħallmu jagħmlu apparat splussiv u kienu qegħdin jipprattikaw billi jisploduhom f’binjiet abbandunati.
“M’iniex terrorist!”
L-adoloxxenti inizjalment kienu qegħdin jiffaċċjaw akkużi ferm aktar ħarxa bl-agħar waħda tkun li “pparteċipaw f’organizzazzjoni terroristika”, iżda din kellha taqa’ minħabba nuqqas ta’ provi. Fl-aħħar indirizz tiegħu lill-qorti, li kien irrapportat mill-ġurnal “Novaya Gazeta”, Uvarov sostna li kellu pressjoni kbira mill-awtoritajiet waqt l-investigazzjoni u ċaħad kategorikament li kellu xi pjan li jisplodi xi mkien.
L-adoloxxent iddikjara lilu nnifsu mhux ħati u qal li jekk jingħata sentenza ħabs, huwa se jiskontaha “b’kuxjenza nadifa u b’dinjità”. Fix-xhieda tiegħu fil-qorti huwa qal, “għall-aħħar darba f’din il-qorti rrid niddikjara li jien m’iniex terrorist.”
Din mhix l-ewwel darba f’dawn l-aħħar snin li Russi adoloxxenti ngħataw sentenzi ta’ ħabs fuq akkużi kontroversjali ta’ terroriżmu. F’Awwissu tal-2020 tliet attivisti żgħażagħ kienu akkużati li huma membri tal-grupp anarkista “New Greatness”. Dawn ingħataw sentenzi ta’ ħabs talli allegatament ippjanaw li jneħħu mill-poter lill-President Putin. Erbgħa oħra ngħataw sentenzi sospiżi f’każijiet il-qorti miftuħa mill-istess FSB. Sostenituri ddeskrivew dawn il-każijiet bħala “maħduma apposta”.
Fi Frar tal-2020 seba’ anarkisti żgħażagħ u attivisti kontra l-faxxiżmu ngħataw sentenzi ta’ ħabs ta’ bejn sitt u 18-il sena fuq akkużi ta’ terrur fost l-oħrajn. Arrestati fl-2017 u l-2018, ħafna mill-irġiel qalu li waqt li kienu f’idejn l-awtoritajiet, huma ġew ittorturati u msawta biex ikunu mġiegħla jammettu għall-akkużi miġjuba kontri-
hom.
Il-logħba Minecraft
• Din il-logħba “sandbox” tagħti lill-parteċipanti l-libertà li jilagħbu u joħolqu dak li jridu biha;
• Il-video game ġiet introdutta fis-suq mill-kumpanija Żvediża “Mojang Studios” u vvintata minn Markus “Notch Persson” fuq Java;
• Wara li ġew ippruvati diversi verżjonijiet, din il-logħba saret pubblika minn Mejju tal-2009 u ġiet introdotta fis-suq b’mod uffiċjali f’Novembru tal-2011 fejn imbagħad Jens “Jeb” Bergensten ħadha f’idejh;
• Minn dak iż-żmien ‘il hawn Minecraft infirxet fuq diversi pjattaformi u saret l-aktar logħba li nbiegħet fl-Istorja b’aktar minn 238 miljun kopja mibjugħa u kważi b’140 miljun persuna jilagħbuha fl-2021;
• Fiha l-parteċipanti jesploraw dinja tri dimensjonali fuq art virtwalment infinita li permezz ta’ blokok jistgħu jibnu dak li jridu. Il-players jingħataw materjal u għodda, kif ukoll oġġetti oħra biex jibnu strutturi, binja u makkinarju sempliċi;
• Skont il-verżjoni tal-logħba li jkunu qegħdin jilagħbu, dawn jistgħu anke jiġġieldu organizzazzjonijiet iġġenerati mill-kompjuter, kif ukoll jikkompetu kontra players oħra f’ħin reali fuq il-logħba stess;
• L-ewwel verżjonijiet tal-logħba kienu ta’ suċċess enormi tant li rebħu għadd ta’ premjijiet u ġew iddikjarati bħala l-aqwa video games li qatt ġew ivvintati;
• Il-midja soċjal, paradoji, verżjonijiet differenti, merkanziji u l-konvenzjoni annwali “Minecon” kellhom rwol kruċjali fiż-żieda tal-popolarità ta’ din il-logħba;
• Din tintuża wkoll għal skopijiet edukattivi fosthom f’suġġetti bħal kimika, disinjar grafiku u xjenza tal-kompjuter;
• Fl-2014 Mojang u l-proprjetarji ta’ Minecraft biegħu d-drittijiet tagħhom fuq il-logħba lil Microsoft għall-prezz kolossali ta’ €2.2 biljun;
• Għadd ta’ logħob ta’ suċċess ġew introdotti fis-suq fosthom “Minecraft: Story Mode”, “Minecraft Dungeons” u dik li tintlagħab fuq il-mowbajl – “Minecraft Earth”;
• Fil-verżjoni “Minecraft Earth”, li tneħħiet mis-suq f’Ġunju li għadda minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija, il-parteċipanti setgħu jibnu diversi bliet ta’ pajjiżi differenti, inkluża r-Russja.
Logħba ta’ divertiment u edukazzjoni… mhux ta’ terroriżmu
Il-logħba “Minecraft” hija popolari ferm fost tfal u adoloxxenti, anke Maltin u barra li hija ta’ divertiment f’parametri siguri bla vjolenza jew kliem oxxen, din il-logħba hija wkoll sors edukattiv għal ħafna tfal madwar id-dinja.
Il-verżjoni “Minecraft Education” hija disponibbli għal miljuni ta’ edukaturi u studenti li għandhom aċċess għal Office 365 fuq apparat tat-tip Windows, Mac jew iPad. Din il-pjattaforma edukattiva hija bit-tema tal-logħba popolari Minecraft fejn tgħin lill-edukaturi fix-xogħol tagħhom u fl-istess ħin tħajjar b’mod attraenti aktar tfal u adoloxxenti biex jitgħallmu.
It-tfal li jilagħbu din l-edizzjoni ta’ Minecraft jitgħallmu coding, matematika u jiksbu ħliet ta’ raġunament kif isolvu jew jirrispondu mistoqsijiet akkademiċi. Barra l-logħba nnfisha, il-YouTube huwa invażat b’vidjows ta’ gamers jilagħbu Minecraft li t-tfal iħobbu jsegwu
ħafna.
L-edizzjoni edukattiva ta’ din il-logħba hija pjuttost differenti mill-verżjoni oriġinali tagħha b’diversi modi importanti. Filwaqt li l-logħba oriġinali tagħti spazju għal esplorazzjoni libera u tintlagħab bħall-Minecraft tradizzjonali, Minecraft Education hija aktar pjattaforma edukattiva bit-tema tal-logħba tant popolari.
Edukazzjoni bla ħlas
Barra l-ħiliet matematiċi u ta’ coding, it-tfal jingħataw lezzjonijiet dwar ċittadinanza diġitali u aktar milli jiffokaw fuq logħob tal-kompjuter, l-istudenti jiffokaw fuq lezzjonijiet u proġetti edukattivi. L-istudenti jistgħu jiftħu kont fuq il-Microsoft u jkollhom aċċess ta’ informazzjoni ta’ proġetti oħra li diġà saru. L-istudenti jistgħu jikkollaboraw bejniethom b’total ta’ massimu ta’ 30 student fi klassi. Biex tifel ikun jista’ jipparteċipa jrid ikollu kont validu ta’ Office 365 u kont EDU.
Microsoft joffri lezzjonijiet lesti biex l-edukaturi u l-istudenti jkunu jistgħu jidħlu f’Minecraft: Education Edition. Dan jipprovdi “starter kit” li għandha diversi xenarji ta’ taħriġ fosthom lezzjonijiet għal edukaturi li forsi għall-bidu jkunu inċerti li jintroduċu dan is-sors edukattiv fil-klassijiet tagħhom. Hemm tliet modi kif l-istudenti jistgħu jużaw Minecraft – survival mode, dak kreattiv u l-ieħor ta’ esplorazzjoni.
Minn għadd ta’ rapporti u opinjonijiet miġbura, jingħad li l-verżjoni edukattiva ta’ Minecraft hija sors edukattiv mill-aqwa li jinkorpora l-logħob mal-edukazzjoni u jagħti għadd ta’ riżorsi tajbin għall-edukazzjoni tat-tfal u għall-użu tal-edukaturi.
Element eċċellenti huwa li biha t-tfal ma jindunawx l-“imbottatura” edukattiva fil-logħba u dan jgħin ħafna lil dawk l-istudenti li ma tantx għandhom ħajra jitgħallmu. L-unika problema hija li bħal kull logħba oħra, it-tfal faċilment jibdew ikunu jridu jilagħbu biss il-logħba u dan b’riskju ta’ vizzju tal-logħob li jista’ jkun ta’ problema serja għal ċerti individwi.
Għaldaqstant huwa importanti li l-ġenituri jistipulaw ħin limitat li t-tfal tagħhom jistgħu joqogħdu jilagħbu l-video games, inklużi logħob b’elementi edukattivi fihom.
Taħt it-tmexxija ta’ Putin
Ir-Russja mhix taħt tmexxija demokratika u dik fiha nnfisha diġà tinduna li l-poplu jrid ibaxxi rasu għall-President tagħhom, Vladimir Putin li b’mod totalment irregolari, żamm postu fit-tmexxija għar-raba’ term ħalli żgur jibqa’ fil-poter.
Il-jasar tal-poplu qiegħed hemm u fosthom hemm it-theddid lill-ġenituri li jekk uliedhom joħorġu jipprotestaw, dawn jiġu arrestati u jitilfuhom. Rigward dan Putin huwa kkwotat mill-Aġenzija Russa tal-Aħbarijiet “Tass” jgħid li, “iċ-ċittadini għandhon id-dritt li jesprimu l-opinjoni tagħhon imma dawn biss kif inhuwa permess mil-liġi”. Dwar protesti u dimostrazzjonijiet li saru wara li Putin reġa’ ħa r-rwol ta’ President meta suppost dan ir-rwol jista’ jinżamm massimu ta’ tliet terms, għadd ta’ adoloxxenti, ġew arrestati b’akkużi ta’ terroriżmu. Għal Putin, kull tip ta’ nuqqas ta’ qbil miegħu, huwa forma ta’ terroriżmu.
Meta wieħed jara dak li l-adoloxxenti jridu jiffaċċjaw fil-bidu tal-ħajja tagħhom, bħal arresti fuq akkużi ta’ terroriżmu kemm jekk jilagħbu logħba fuq il-kompjuter, kif ukoll meta bi dritt jipprotestaw, wieħed jifhem għala ħafna minnhom jipprovaw jitilqu minn dan il-pajjiż.