“Il-PLPN kemm se jdumu jevitaw it-taxxi dovuti?” – ADPD
F’konferenza tal-aħbarijiet illum, iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo qal li f’ġieħ il-governanza tajba għandha tittejjeb il-liġi tal-finanzjament tal-partiti politiċi billi fost oħrajn tkun eliminata l-possibilita li jkunu l-partiti politiċi stess li jirregolaw lilhom infushom permezz tal-Kummissjoni Elettorali li hi komposta, nofs bin-nofs, ħlief għall-Kummissarju Ewlieni, minn rappreżentanti tal-partiti fil-parlament, inkluż membri attivi u eks-kandidati tal-PLPN.
Carmel Cacopardo qal li l-PLPN diġa jieħdu finanzjament, imma saħaq li kull sena kull partit politiku li jikseb tal-inqas 1% tal-voti f’elezzjoni ġenerali, jew f’elezzjoni tal-Parlament Ewropew inkella fl-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali jirċievi direttament mill-istat għotja kull sena għal kull vot miksub.
“Fil-passat saru diversi proposti dwar dan. Fil-Manifest Elettorali tal-2013 Alternattiva Demokratika kienet ipproponiet li din l-għajnuna tkun ta’ €3 għal kull vot kull sena. Il-Partit Laburista fil-Parlament matul il-leġislatura 2008-2013 min-naħa l-oħra kien ippropona r-rata ta’ €5 għal kull vot. Il-Partit Nazzjonalista, fil-Gvern matul il-leġislatura 2008-2013 kif irrifjuta li jikkonsidra l-proposta tal-Partit Laburista. Illum huwa l-Partit Nazzjonalista innifsu li qed jitlob finanzjament dirett tal-istat għall-partiti politiċi. Imma llum il-Partit Laburista, fil-Gvern, mhux jaqbel! Ibiddlu d-diska skont jekk ikunux fil-gvern jew le! Din mhux serjetà.”
“Il-PLPN għandhom ukoll, ta’ kull sena, apparti li jiddikjaraw kemm kisbu donazzjonijiet, jiddikjaraw ukoll kull self li għandhom, irrispettivament mill-forma ta’ dan is-self.”
Temm jgħid: “Meta jaqblilhom il-PLPN jaqblu: jaqblu li jieħdu rikba minn fuq dahar in-nies li jħallsu t-taxxi.”