Sunday, October 27, 2024

ADPD: “Mingħajr informazzjoni sħiħa dwar il-metro ma tistax issir diskussjoni serja”

Aqra wkoll

Wara li l-Gvern ħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet ftit informazzjoni dwar proposta għal metro fuq tliet rotot, iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party, Carmel Cacopardo filwaqt li qal li jaqblu li hemm meħtieġa urġenti li titwettaq proposta ta’ transport tal-massa, saħaq fl-importanza li jkunu ppubblikati r-rapporti mill-konsulenti li fihom jispjegaw fid-dettall il-proposti tagħhom. 

“S’issa dawn ir-rapporti għadhom ma ġewx ippubblikati. Mingħajr ma jkunu ppubblikati dawn ir-rapporti, l-konsultazzjoni pubblika li qiegħda ssir hija waħda fjakka. Ma tistax issir diskussjoni serja fl-assenza ta’ din l-informazzjoni. Is-sit tal-internet ma fihx l-informazzjoni dettaljata meħtieġa biex ikunu spjegati l-proposti li qegħdin isiru,” spjega Cacopardo.

Huwa qal li l-kwistjoni bażika li trid tkun ikkonsidrata fil-fond hija dwar jekk it-trasport tal-massa propost ikunx  prinċipalment ‘il fuq mill-art inkella taħt l-art u dan minħabba l-iskart iġġenerat, primarjament blat imqatta’.

Punt ieħor li semma’ hija li l-għażla ta’ metro kważi kollha taħt l-art inevitabilment twassal għal radam fil-baħar fuq skala kbira. “F’dan il-każ, dan ikun reklamazzjoni tal-art sfurzat. Aħna ma naqblux ma dan u jidhrilna li dan għandu jkun evitat. Għandhom jitqegħdu l-karti kollha fuq il-medja biex id-diskussjoni pubblika tkun tista’ tevalwa ukoll il-potenzjal ta’ soluzzjoni li ma tkunx taħt l-art,” kompla ċ-Chairperson tal-ADPD.

Rigward l-għażla ta’ metro, l-ADPD qalet li jeżistu sistemi hybrid metro-tramm li jkunu f’livell it-triq li ma jiġġenerawx skart li jwasslu għal reklamazzjoni tal-art sfurzata; tkun implementata fi żmien iqsar; u tiġi tiswa ferm inqas. 

“Dan apparti li tikkawża ferm inqas ħsara ambjentali. Il-pajjiż jeħtieġ viżjoni ċara dwar it-trasport. Fid-dawl ta’ dan, huwa meħtieġ li jkunu ppubblikati b’mod urġenti r-rapporti u l-istudji kollha li saru u dan għax sal-lum ftit li xejn ġiet ippubblikata informazzjoni li tista’ tkun ta’ għajnuna għad-diskussjoni pubblika. Ma jistax ikollna diskussjoni matura dwar dawn il-proposti jekk  l-informazzjoni li għandu l-Gvern iżommha għalih u din tibqa’ moħbija mill-iskrutinju pubbliku,” temm Carmel Cacopardo.

Sport