Sunday, November 24, 2024

ADPD tappoġġja l-protesta “M’hemmx aħna u huma” fil-Belt Valletta

Aqra wkoll

ADPD tappoġġja l-protesta “M’hemmx aħna u huma” fil-Belt Valletta dwar politika li ma tagħmilhiex possibbli għal immigranti li jaħdmu legalment u għalhekk tinkoraġġixxi l-isfruttament tagħhom. Huwa fatt ukoll li uħud mill-iżviluppaturi jkompli jabbużaw minn din is-sitwazzjoni billi ‘jimpjegaw’ lil dawn l-individwi b’mod irregolari, bi ħlas miżeru u f’kundizzjonijiet ta’ xogħol xejn dinjitużi u li ma jħarsux is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Fi stqarrija l-ADPD qalet li bejn l-2018 u l-2020 kien hemm biss biss 10 inċidenti fatali li nafu bihom fl-industrija tal-kostruzzjoni. “Il-vittmi kollha kienu persuni li kienu emigraw lejn Malta. Huwa fatt li n-nuqqas ta’ infurzar f’dan is-settur (kif ukoll f’setturi oħra) iwassal biex f’ħafna setturi hemm min jagħżel li jopera mingħajr il-proċeduri stabilliti fil-liġi għal postijiet tax-xogħol,” sostniet l-ADPD.

Il-partit politiku kompla jgħid li l-miżura ta’ sempliċiment ‘templates’ ta’ kuntratti tax-xogħol ma ssolvix il-problema t’esplojtazzjoni speċjalment f’industriji bħal tal-kostruzzjoni. “Għandu jkun hemm reġistru tal-ħaddiema biex jiġi assigurat li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol jiġu mħarsa.”

Intant l-ADPD ikkritakat li dan il-budget naqas li jindirizza il-problema ta’ nuqqas ta’ paga minima li biha wieħed jkun jista’ jgħix b’mod diċenti. “Filwaqt li fl-Unjoni Ewropea bħalissa qegħda tiġi diskussa Direttiva dwar kif tinħadem il-paga minima, il-PLPN qed jopponu din id-Direttiva. F’dan il-każ ukoll titjib f’dan il-qasam igawdi minnu kulħadd.”

Għalhekk ADPD tappoġġja t-talbiet għal akbar sigurtà fuq il-post tax-xogħol biex kulħadd iħossu protett u li jgawdi dinjità kull fejn ikun.

“Inħeġġu ukoll biex nerġgħu nirritornaw għal dawk il-valuri fejn kulħadd iħoss li għandu il-wens tal-ġirien u fejn il-komunità kollha tgħin lil dawk speċjalment vulnerabbli biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.”

ADPD tisħaq ukoll favur soċjetà aktar ġusta fejn il-politika titfassal u tiġi applikata b’mod fejn id-dinjità tal-bniedem tiġi qabel kollox u tassigura li l-għan aħħari ta’ din il-politika jibqa’ l-iżvilupp sħiħ tal-individwi huma min huma.

Sport