Thursday, December 26, 2024

Affarijiet li Trump jgħid li se jagħmel bħala president

Aqra wkoll

Donald Trump se jirritorna l-White House bħala l-ewwel president b’kundanni kriminali, wara li fost akkużi oħra nstab ħati fi New York li ffalsifika r-rekords tan-negozju tiegħu. Madankollu, fil-kampanja elettorali li rebbħitu l-prresidenza, huwa wiegħed li minnufih jieħu azzjoni dwar kwistjonijiet fosthom l-immigrazzjoni, l-ekonomija u l-gwerra fl-Ukrajna.

Jidher li huwa jgawdi appoġġ qawwi għall-aġenda politika tiegħu fil-Kungress wara li l-Partit Repubblikan tiegħu reġa’ ħa l-kontroll tas-Senat.

Fid-diskors tiegħu tar-rebħa, Trump wiegħed li se jiggverna b’motto sempliċi “Wegħdiet magħmula, wegħdiet miżmuma.” Iżda f’xi każijiet, huwa ta ftit dettall ta ‘kif jista’ jilħaq l-għanijiet tiegħu.

Fl-2023 kien mistoqsi minn Fox News, l-istazzjon televiżiv konservattiv jekk kienx se jabbuża mill-poter tiegħu u jimmira lejn l-avversarji politiċi, huwa wieġeb li ma kienx se jkun dittatur, “ħlief għall-ewwel jum wara r-rebħa”.

Waqt li kien qed jagħmel kampanja tiegħu, Trump wiegħed ukoll li jwettaq l-akbar deportazzjonijiet ta’ migranti mingħajr dokumenti fl-istorja tal-Istati Uniti. Mhux biss imma wiegħed ukoll li jlesti l-bini ta’ ħajt fil-fruntiera mal-Messiku li nbeda waqt l-ewwel presidenza tiegħu.

In-numru ta’ immigranti li qasmu l-fruntiera tan-Nofsinhar tal-Istati Uniti laħaq livelli rekord fl-aħħar tas-sena li għaddiet matul l-amministrazzjoni Biden-Harris. 

Id-deportazzjonijiet fuq l-iskala mwiegħda minn Trump se jkunu ffaċċjati minn sfidi legali u loġistiċi enormi u jistgħu  wkoll iħallu impatt negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku. Trump wiegħed li “jtemm l-inflazzjoni”  li telgħet għal livelli għoljin taħt il-President Joe Biden qabel ma reġgħet bdiet tonqos. Iżda s-setgħa ta’ president li jinfluwenza direttament il-prezzijiet hija limitata.

Trump wiegħed ukoll tnaqqis kbir fit-taxxa, fosthom li jestendi r-reviżjoni li kien għamel fl-2017. Huwa ppropona li t-tips ikunu ħielsa mit-taxxa, li jneħħi t-taxxa fuq il-pagamenti tas-sigurtà soċjali u li jnaqqas bis-sħiħ it-taxxa fuq il-korporazzjonijiet.

Huwa ppropona tariffi ġodda ta ‘mill-inqas 10% fuq il-biċċa l-kbira tal-prodotti barranin impurtati fl-Istati Uniti, biex jitnaqqas id-defiċit kummerċjali. L-importazzjonijiet miċ-Ċna jistgħu iġorru tariffa addizzjonali ta ‘60%, kien qal. Xi ekonomisti wissew li mossi bħal dawn jistgħu jgħollu sew il-prezzijiet għall-konsumaturi.

Matul l-ewwel presidenza tiegħu, Trump reġġa’ lura mijiet ta’ regolamenti protettivi ambjentali u għamel l-Amerika l-ewwel nazzjon li rtira mill-ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima.

Din id-darba, reġa’ wiegħed li jnaqqas ir-regolamenti, partikolarment bħala mod biex jgħin lill-industrija tal-karozzi Amerikana. Huwa kontinwament jattakka vetturi elettriċi, u wiegħed li jbiddel il-miri ta ‘Biden u jinkoraġġixxi l-bidla għal karozzi aktar nodfa.

Huwa wiegħed li jżid il-produzzjoni tal-fjuwils fossili tal-Istati Uniti u jrid jiftaħ żoni pereżempju fl-Artiku għat-tħaffir taż-żejt, li skont hu jbaxxu l-ispejjeż tal-enerġija, għalkemm l-analisti huma xettiċi dwar dan.

Trump ikkritika l-għexieren ta’ biljuni ta’ dollari li nefqu l-Istati Uniti biex jappoġġjaw lill-Ukrajna fil-gwerra  mar-Russja u wiegħed li jtemm il-kunflitt “fi żmien 24 siegħa” permezz ta’ ftehim innegozjat. Id-Demokratiċi jgħidu li din il-mossa tagħti issaħħaħ lill-President Vladimir Putin.

Trump irid li l-Istati Uniti tinħall mill-kunflitti barranin b’mod ġenerali. Rigward il-gwerra f’Gaża Trump pożizzjona lilu nnifsu bħala sostenitur qawwi ta’ Iżrael, iżda ħeġġeġ lill-alleat Amerikan biex itemm l-operat militari tiegħu. Huwa wiegħed ukoll li jtemm il-vjolenza relatata fil-Libanu, iżda ma ta l-ebda dettall dwar kif.

Trump qal waqt id-dibattitu presidenzjali ma’ Kamala Harris li mhux se jiffirma projbizzjoni nazzjonali tal-abort. Madankollu, fl-2022, id-dritt kostituzzjonali għall-abort inqaleb mill-Qorti Suprema, li kellha maġġoranza ta’ mħallfin konservattivi wara l-ewwel presidenza ta’ Trump.

Trump qal li se “jeħles” mill-ħabs lil xi priġunieri minn dawk li nstabu ħatja ta’ reati waqt l-irvell f’Washington DC fis-6 ta’ Jannar 2021, meta l-partitarji tiegħu daħlu fil-bini tal-Capitol fi sforz biex ifixklu r-rebħa elettorali ta’ Joe Biden fl-2020.

Trump wiegħed li jkeċċi “fi żmien żewġ sekondi” minn meta jieħu l-kariga lill-prosekutur veteran Jack Smith li qed imexxi żewġ investigazzjonijiet kriminali kontrih. L-Avukat Smith akkuża lil Trump dwar allegati sforzi biex titħassar l-elezzjoni tal-2020, u dwar l-allegata mmaniġġjar ħażin tiegħu ta’ dokumenti klassifikati.

Ekonomija

Sport