Minħabba n-nirien li seħħu fl-ajruport internazzjonali ta’ Catania l-Ħadd li għadda filgħaxija, dan l-ajruport kellu jingħalaq bil-konsegwenza li ġew affettwati t-tijiriet kollha li normalment isiru minnu. Dan jinkludi titjiriet minn u lejn Malta.
L-ajruport ta’ Catania fil-fatt ħabbar li qegħdin jistennew li jergħu jiftħu l-Erbgħa 19 ta’ Lulju, fis-2.00 ta’ wara nofsinhar. Fir-rigward, l-Air Malta qalet li fost it-titjiriet ikkanċellati mill-ajruport ta’ Catania, ġew affettwati t-titjiriet ta’ passiġġieri minn Malta. Fil-lista li ħarġet kien hemm titjira li kellha ssir il-Ħadd li għadda stess, jiġifieri l-KM643. Mentri, it-titjiriet ikkanċellati l-bieraħ u llum huma l-KM640,641,642,643,644 u l-KM645. Il-Ħamis, 20 ta’ Lulju, mhux se jkun hemm iż-żewġ titjiriet KM640 u KM 641.
L-Air Malta avżat ukoll li l-klijenti kollha li kellhom ibbukjat titjira mal-lista t’hawn fuq, jistgħu jikkanċellaw il-prenotazzjoni tagħhom u jingħataw lura l-flus li ħalsu għall-biljett inkella minflok jistgħu jagħżlu data oħra jew jivvjaġġaw lejn u mill-ajruport ta’ Palermo.
Sadanittant, l-Air Malta qalet li qiegħda tinvestiga l-potenzjal li jista’ jkun hemm bħala opportunitajiet ħalli tibda topera servizz adizzjonali lejn u minn Palermo.
“Ħadd ma weġġa’”
In-nirien li seħħu f’dan l-ajruport tħabbru mill-amministrazzjoni tal-ajrport ta’ Catania stess permezz ta’ avviż imtella’ fuq il-pjattaforma Twitter.
Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tat-tifi tan-nar, l-awtoritajiet statali, l-persuni li taw l-ewwel għajnuna u l-komunità tal-ajruport imsemmi, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Catania mill-ewwel qal li ħadd ma weġġa’ fin-nirien. Għadu mhuwiex magħruf x’wassal għal dawn in-nirien.
L-ajruport żied li n-nar beda fil-pjan t’isfel u wara nfirex fid-depatures terminal (tat-tluq) tal-istruttura fin-nofs tal-ajruport u li fl-operazzjoni ta’ salvataġġ mill-ħaddiema tat-tifi tan-nar, saret evakwazzjoni tal-passiġġieri, kif ukoll tal-ħaddiema tal-istess ajruport.
It-titjiriet li mhux se jsiru huma:
Illum – il-KM640,641,642,643,644 u l-KM645; u
Għada l-Ħamis, 19 ta’ Lulju – il-KM640 u KM 641.