Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, jinsab fi stadju avvanzat sabiex iniedi After-Care Policy għal żgħażagħ li jkunu ħarġu minn residenzi tat-tfal. Din l-istruttura hija ntiża sabiex tagħti serħan il-moħħ, stabbilità u futur mimli opportunitajiet lil dawn iż-żgħażagħ, li għal xi raġuni jkunu għexu tfulithom f’ħarsien alternattiv.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon waqt l-iffirmar ta’ ftehim mas-Sależjani, li jmexxu żewġ residenzi tat-tfal.
Fil-fatt il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-ftehim huwa biss wieħed minn 37 ftehim soċjali li l-Ministeru għandu fil-komunità. Hawnhekk aċċenna kif il-Gvern jinsab viċin li jniedi policy marbuta mal-‘after care’ u li hija mibnija fuq konsultazzjoni ma’ diversi stakeholders u esperjenzi tat-tfal infushom.
“Qed nitkellmu fuq il-kunċett t’after care u mentoring, għaliex verament nemmnu f’dan il-kunċett. Dan il-Ministeru ilu fis-sħab mas-Sależjani għal dawn l-aħħar 6 snin. Mhux biss ikollna ftehim ma’ NGO’s fuq ‘after care’ imma qed naraw li jkollna policy li tkopri t-tkomplija tal-akkumpanjament ta’ dawk it-tfal li għal xi raġuni ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu mal-ġenituri bioloġiċi tagħhom,” saħaq il-Ministru Michael Falzon.
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Federazzjoni Nazzjonali Dun Bosco, Bryan Magro stqarr li dawn it-tfal u adoloxxenti li jidħlu f’dawn ir-residenzi jkunu għaddew minn trawma u esperjenza diffiċli li tkun ħalliet impatt fuqhom. Għaldaqstant, jingħataw għajnuna u mentoring, sabiex jissaħħu u jieħdu l-istat tagħhom, ikollhom progress akkademiku u eventwalment joħorġu minn hemm u jkunu jistgħu jkomplu jiffurmaw il-familja tagħhom u jagħtu kontribut lura fis-soċjetà.
Intant dan huwa t-tielet ftehim soċjali mal-Federazzjoni Nazzjonali Dun Bosco li tmexxi żewġ residenzi. Dawn il-ftehimiet jagħtu serħan il-moħħ għat-tmexxija ta’ żewġ residenzi, dik ta’ Marvelli f’Raħal Ġdid u r-residenza Carlo Gastini fil-Belt Valletta.

