Minn Cristian Muscat
Agata Zalecka, imwielda fit-8 t’Awwissu 1982 f’Radzyn Podlaski, hi waħda minn dawk in-nisa li jħallu impressjoni dejjiema mhux biss minħabba t-talent artistiku tagħha iżda wkoll minħabba l-kuraġġ li juru meta jpoġġu lilhom infushom kontra l-limiti tal-ġisem u tal-moħħ. L-attriċi Pollakka, li għal bosta snin dehret fuq il-palk u fuq l-iskrin tat-televixin, illum hi wkoll waħda mill-aqwa freedivers fid-dinja. Il-ħajja tagħha hi storja parallela: min-naħa hemm l-arti filwaqt li fuq il-faċċata oħra l-baħar hu parti minn ħajjitha.
L-arti kienet preżenti fil-ħajja ta’ Agata sa minn meta kienet tfajla. Il-karriera tagħha bdiet bil-musical famuż “Metro” fit-Teatr Buffo f’Varsavja li hi l-belt kapitali tal-Polonja, qabel ma kompliet l-istudji tagħha fil-Warsaw Film School, fejn kisbet diploma statali fid-drama. Wara, kompliet tiżviluppa l-ħiliet tagħha permezz ta’ skejjel rinomati fl-Istati Uniti u l-Ewropa, fosthom l-Lee Strasberg Institute, l-Actors Studio Method u t-teknika ta’ Meisner.
Agata dejjem kienet persuna li ma toqgħodx f’post wieħed: il-karriera tagħha tkopri ċinema, televiżjoni, teatru, cabaret u anke l-ħoss tal-vuċi fil-forma ta’ dubbing u awdjobooks. Bħalma qaltilna hi stess f’intervista li tatna għal dan il-ġurnal, litteralment dejjem tara x’se tivvinta.
Bħala attriċi dehret f’bosta produzzjonijiet ta’ suċċess, fosthom “Rewers”, “Krew z krwi 3”, “Miasto Skarbów” u “Pewnego razu na krajowej jedynce”. Fuq il-palk, ħadmet ma’ teatru Pollakki magħrufa bħal Teatr Telewizji, Teatr Capitol, Teatr Kamienica u Teatr Komedia. Kienet ukoll parti mill-ensemble satiriku Kabaret Moralnego Niepokoju, esperjenza li fetħilha orizzonti oħra fil-komedja u l-improvizzazzjoni.
It-televixin taha wkoll spazju importanti, b’partijiet bħal dik ta’ Kummissarju Agata Rychlik fis-serje “Dzielnica Strachu” u l-karattru ta’ Monika f’“Zaraz wracam”. Fl-2023, rebħet it-Telekamera Award bħala l-Aqwa Attriċi, filwaqt li sena wara ġiet magħżula bħala Personalità tas-Sena fil-Polonja.
Fl-2023, hija rebħet il-premju Telekamera bħala l-aħjar attriċi u fl-2024 ġiet imfaħħra bħala l-“Personalità tas-Sena”, rikonoxximent li juri kemm il-ħidma tagħha fl-arti u l-medja hija apprezzata. Barra minn hekk, Agata tinsab fil-post numru tlieta fil-klassifika mondjali tal-freediving, fejn rebħet diversi kompetizzjonijiet u ssostni rekords nazzjonali u internazzjonali, inkluż rekord personali ta’ -93 metru ma’ bifibs CWTB fuq nifs wieħed. Dan filwaqt li hi rebħet ukoll midalja tad-deheb fit-Tazza tad-Dinja fil-kompetizzjoni ‘Depth’ f’Camotes, fil-Filippini.
Barra mill-karriera tagħha fil-films u t-teatru, Agata hija wkoll involuta fil-produzzjoni ta’ audiobooks u dubbing, u qed tespandi l-ħiliet tagħha fil-mużika billi rrekordjat is-single tagħha stess. Dan juri kemm hi versatile u determinata biex tindirizza diversi aspetti kreattivi fl-istess ħin.
Minbarra l-prestazzjoni artistika u sportiva, Agata hija attiva fuq il-media soċjali u hi ferm segwita fuq il-profil uffiċjali tagħha fuq Instagram: @agatazalecka_official, kif ukoll fuq is-sit elettroniku uffiċjali tagħha agatazalecka.pl, fejn toffri aġġornamenti dwar proġetti, avvenimenti u xi ħaġa mill-ħajja tagħha. Interessanti wkoll hija l-opportunità li tara l-showreel tagħha fuq Filmmakers, li juri l-kisbiet tagħha kemm fuq il-palk kif ukoll fuq l-iskrin. Agata Załęcka tinsab fiċ-ċentru ta’ innovazzjoni artistika u sportiva, u tkompli tispira kemm spettaturi kif ukoll partitarji tal-freediving u l-arti.
Madankollu, l-istorja ta’ Agata mhix limitata għall-arti. F’dawn l-aħħar snin, hi daħlet b’kuraġġ fid-dinja tal-freediving – dixxiplina li titlob mhux biss saħħa fiżika iżda kontroll mentali assolut. Illum hi parti mit-tim nazzjonali Pollakk u għandha f’idejha diversi rekords nazzjonali. L-aktar wieħed impressjonanti kien meta niżlet 85 metru f’CWTB fins, rekord assolut għall-Polonja li kisbet waqt il-Kampjonati Internazzjonali Daniżi tal-CMAS.
“Dak il-jum ma kienx faċli,” qalet hi fuq il-paġna uffiċjali tagħha fuq Facebook. “Kien hemm mewġ kbir, kurrenti qawwija, u saħansitra baħar mhux daqstant ċar. Ħassejt li mhux se jirnexxieli, iżda kontra kull probabilità rnexxieli u kelli l-unur li nirbaħ id-deheb.”
Il-kisbiet tagħha jinkludu wkoll diversi midalji fil-Kampjonati Pollakki, rebħiet fil-Deepspot Freediving League, kif ukoll it-tielet post fil-CMAS World Cup f’Łódź (2024).
Meta saqsejniha dwar il-gzejjer Maltin u hi tkellmet fuqhom, għajnejha bdew jiddu bil-ferħ. “Ħdimt u ġejt nagħmel kompetizzjonijiet hawnhekk, speċjalment f’Għawdex. Wied il-Mielaħ kien wieħed mill-aktar postijiet diffiċli li qatt għodost fih għax il-kundizzjonijiet kienu iebsa, iżda l-enerġija tal-irdumijiet u l-baħar kienet qawwija u speċjali. Għandi memorji sbieħ tal-knejjes, in-nies ferrieħa u anke l-inbid Malti tajjeb ħafna,” qalet hi b’tbissima.
Kien tliet snin ilu li għall-ewwel darba niżlet 30 metru f’Għawdex, u minn hemm il-konnessjoni tagħha mal-gżejjer kibret. Illum, hija tħoss li Malta u Gozo għandhom post partikolari fil-vjaġġ personali tagħha.
Imma kif jirnexxilha tlaħħaq bejn żewġ karrieri daqshekk intensi, dik ta’ artista u anke ta’ freediver? “Mhux faċli,” ammettiet Agata. “Il-freediving jitlob ħafna dedikazzjoni, bħal ma jagħmel il-palk. Jien attriċi full-time, u xi kultant is-sigħat u l-enerġija ma jħallux spazju għal ħafna affarijiet oħra. Imma b’organizzazzjoni tajba, dik li bl-Ingliż jgħidulha time management, u b’ħafna passjoni, kollox hu possibbli.”
Hi tgħid li l-acting u l-freediving jikkumplimentaw lil xulxin. “L-arti hi dinamika ħafna, b’ħafna pressjoni u kritika. Meta ninżel taħt l-ilma, ninsab f’dinja oħra, waħda siekta, paċifika, bla tensjoni. Għalija hija forma ta’ ħarba u wkoll ta’ meditazzjoni.”
Meta mistoqsija dwar il-futur, Agata spjegat li għandha ħolm kbir, kemm fil-kamp tal-arti kif ukoll f’dak tal-isport. “Nixtieq nikkollabora fi produzzjoni internazzjonali, forsi anke f’Malta. L-atmosfera kosmopolitana tispirani ħafna,” qalet.
Rigward il-freediving, hi temmen li din id-dixxiplina għadha tista’ tagħtiha ħafna. “Qed nara l-livell jogħla ħafna fid-dinja. Hemm atleti meraviljużi, imma jien kburija ħafna b’dak li ksibt. Għandi ħafna x’nagħmel u nispera nkompli nkisser il-limiti tiegħi stess.”
Meta saqsejtha dwar s-sigriet tagħha għas-suċċess, kienet ċara: “L-imħabba u l-passjoni. Jekk ma tħobbx dak li tagħmel, xejn ma jirnexxi. Jien kelli esperjenza taż-żfin qabel, il-ġisem tiegħi hu flessibbli, u għandi widnejn b’saħħithom, aspetti importanti ħafna fil-freediving. Imma fuq kollox hemm il-passjoni.”
Biex nikkonkludu, Agata Załęcka hi xhieda ħajja ta’ kemm il-bniedem jista’ jgħaqqad diversi dimensjonijiet tal-ħajja: l-arti u l-isport, il-palk u l-baħar. Filwaqt li bħala attriċi tibqa’ f’qalb l-udjenzi Pollakki, bħala freediver qed tikteb kapitlu ġdid fl-istorja sportiva ta’ pajjiżha. U jekk hemm xi ħaġa li tispira minnha hi l-messaġġ tagħha stess: “Qatt taqta’ qalbek u agħti sehmek sal-aħħar, anke meta kollox ikun jidher kontra tiegħek!”

