Il-persekuzzjoni mill-Amministrazzjoni ta’ Donald Trump kontra min b’xi mod ħadem kontra l-president Trump qed tissokta tant li tliet ijiem ilu, l-FBI keċċiet madwar 10 aġenti, li kollha pparteċipaw f’investigazzjoni dwar kif Trump immaniġġja dokumenti sigrieti wara li temm l-ewwel mandat tiegħu.
It-tkeċċija tagħhom saret nhar l-Erbgħa u ġiet ikkonfermata mill-istazzjon tal-aħbarijiet CBS News, li ħabbar li d-direttur tal-FBI Kash Patel qal li aġenti federali ċitaw ir-rekords tat-telefon tiegħu meta kien ċittadin privat waqt l-investigazzjoni tad-dokumenti.
Susie Wiles, il-kap tal-istaff tal-White House bħalissa, qalet li hija wkoll kellha ir-rekords tat-telefon tagħha ċitati meta kienet ċittadina privata bħala parti mill-investigazzjoni.
Patel iżda ma ressaq l-ebda ħjiel ta evidenza jew prova ta’ mġiba ħażina mill-impjegati tal-FBI li tkeċċew.
Wara li Trump spiċċa minn president tal-Istati Uniti fl-2021, il-Prosekutur Speċjali Jack Smith mexxa żewġ investigazzjonijiet federali dwar il-President Trump. L-ewwel każ kien iffukat fuq jekk Trump ipprovax idawwar ir-riżultati tal-elezzjoni tal-2020.
Il-każ l-ieħor kien jinvolvi dokumenti klassifikati li Trump ħa miegħu fir-residenza tiegħu ta’ Mar-a-Lago fi Florida u l-allegati sforzi tiegħu biex jostakola lid-Dipartiment tal-Ġstizzja tal-Istati Uniti milli jirkuprahom aktar tard.
Grupp ta’ avukati li jirrappreżentaw impjegati attwali u tal-imgħoddi tal-FBI kkundannaw it-tkeċċijiet.
Magħhom ingħaqdet ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Aġenti tal-FBI li fi stqarrija sostniet li dawn l-azzjonijiet u tkeċċijiet idgħajfu l-FBI billi jneħħu l-kompetenza kritika u jiddestabbilizzaw il-forza tax-xogħol, idgħajfu l-fiduċja fit-tmexxija u jipperikolaw il-kapaċità tal-Bureau li jilħaq l-għanijiet ta’ reklutaġġ tiegħu u fl-aħħar mill-aħħar ipoġġu lin-nazzjon f’riskju akbar.
Donald Trump u tnejn mill-assoċjati tiegħu kienu ġew akkużati fl-2023, wara l-investigazzjoni ta’ Jack Smith dwar id-dokumenti klassifikati. Fl-2024, madankollu, imħallef federali fi Florida waqqa’ l-każ kontra Trump, wara li qal li Smith kien inħatar illegalment.
Minn meta Trump irritorna fil-White House f’Jannar, id-dipartiment tal-ġustizzja u l-FBI keċċew impjegati li pparteċipaw fl-investigazzjonijiet federali kontrih. Id-dipartiment tal-ġustizzja pprova wkoll joħroġ akkużi kontra l-eks direttur tal-FBI James Comey, li Trump keċċa matul l-ewwel mandat tiegħu fl-2017, u l-Avukat Ġnerali ta’ New York Letitia James, li mexxiet kawża ċivili ta’ frodi kontra Trump.

