Wednesday, July 2, 2025

Aġenzija Sapport tlesti rinnovazzjoni ta’ residenza f’Ħal Kirkop għall-użu ta’ persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Aġenzija Sapport temmet b’suċċess xogħol ta’ rinnovazzjoni u tisbiħ fuq residenza f’Ħal Kirkop li se tkompli ssaħħaħ il-kwalità tal-ħajja għal żewġ persuni b’diżabilità li jgħixu f’din id-dar.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna u s-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop Mattew Agius waqt żjara f’din ir-residenza.

L-appartament ġie rinnovat b’investiment ta’ aktar minn €40,000. Dan l-investiment sar bl-għan li jinħolqu faċilitajiet moderni, siguri u aċċessibbli skont il-linji gwida maħruġa mill-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD).

Iż-żewġ residenti li se jkunu qed jgħixu f’dan l-appartamen, u li għandhom bejn 30 u 44 sena, kienu diġà jgħixu f’din ir-residenza qabel ma bdew ix-xogħlijiet. Matul il-proċess ta’ rinnovazzjoni, huma kienu involuti b’mod dirett fit-tfassil tal-pjan ta’ tisbiħ, fejn ġew ikkunsidrati x-xewqat u l-bżonnijiet tagħhom, inkluż l-għażla tal-kulur tal-ħitan u l-arranġament tal-għamara.

Il-proġett inkluda l-installazzjoni ta’ madum ġdid madwar id-dar kollha, xogħol estensiv fuq is-sistema tad-dawl u l-ilma kif ukoll l-installazzjoni ta’ kċina ġdida mgħammra b’apparat modern. Barra minn hekk, inbnew kmamar tal-banju u kmamar tas-sodda ġodda kif ukoll kamra tas-salott kompletament rinnovata. Saru wkoll installazzjonijiet ta’ bibien ġodda kemm interni kif ukoll esterni filwaqt li sar tisbiħ estensiv fil-bitħa.

Il-Ministru Julia Farrugia fissret kif, “Proġetti bħal dawn mhux biss huma parti minn rinnovazzjoni ta’ bini, iżda jirrappreżentaw bidla mill-qiegħ fil-mentalità u l-viżjoni tagħna bħala gvern għal soċjetà aktar ġusta u inklussiva. Illum qed naraw twettiq konkret tal-politika tal-gvern kontra l-istituzzjonalizzazzjoni, fejn minflok nissagrifikaw l-individwalità u d-dinjità tal-persuni b’diżabilità f’istituzzjonijiet, qed noħolqu ambjenti żgħar, siguri, u personalizzati fejn jistgħu jgħixu ħajja indipendenti u sodisfaċenti fil-komunità. Dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-politika nazzjonali favur id-deinstituzzjonalizzazzjoni qed titwettaq b’azzjoni konkreta. B’dawn l-investimenti, qed nagħtu valur lil dak li verament jgħodd: lill-bniedem, lill-għażliet tiegħu, u lill-kapaċitajiet tiegħu.”

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv Oliver Scicluna, qal kif, “Dan il-proġett jirrifletti l-impenn kontinwu tagħna biex intejbu s-servizzi li noffru u biex nappoġġaw lil dawk li jużawhom f’ħajjithom ta’ kuljum. B’dan il-proġett, ikkonfermajna kif il-koproduzzjoni – fejn il-persuni nfushom jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet dwar is-servizz li jirċievu – mhux biss teorija iżda realtà prattika”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport