Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti inawguraw spazju ġdid ta’ Aġenzija Żgħażagħ f’Għawdex, bil-għan li din l-aġenzija tkompli tgħin u tippromwovi l-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ Għawdxin. L-avveniment, li sar fiċ-Ċentru Santa Apollonia f’Għajnsielem, laqqa’ flimkien uffiċjali mill-gvern, rappreżentanti ta’ għaqdiet taż-żgħażagħ u żgħażagħ mill-komunità Għawdxija.
Permezz ta’ dan l-investiment f’Għawdex, Aġenzija Żgħażagħ qed iżżid il-preżenza tagħha fil-gżira biex tkun ta’ sostenn kontinwu għaż-żgħażagħ permezz ta’ programmi edukattivi, kollaborazzjonijiet ma’ NGOs u attivitajiet fil-komunità. L-ispazju l-ġdid se jservi bħala punt ta’ referenza u ta’ ispirazzjoni għaż-żgħażagħ Għawdxin biex jesprimu ruħhom u jikkontribwixxu b’mod attiv fis-soċjetà.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Clint Camilleri qal li, “Dan proġett, li l-Ministeru appoġġja b’mod sħiħ permezz ta’ għajnuna fit-tiġdid tal-post, huwa xhieda tal-impenn tagħna li bħala Gvern noffru ambjent modern u funzjonali għas-servizzi taż-żgħażagħ”. Huwa spjega kif dan il-post il-ġdid ta’ Aġenzija Żgħażagħ joffri ambjent professjonali u ideali fejn iż-żgħażagħ jistgħu jaċċessaw servizzi, gwida, u attivitajiet imfassla apposta għall-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tagħhom.
Il-Ministru Clint Camilleri kompla jgħid, “Dan huwa ċentru ta’ tagħlim, ta’ żvilupp, u ta’ ħolqien. Huwa post fejn iż-żgħażagħ tagħna jistgħu jħossuhom sikuri, ispirati, u appoġġjati biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom. Dan huwa investiment fil-futur ta’ Għawdex. Bħala Gvern aħna nemmnu fiż-żgħażagħ tagħna, u permezz ta’ postijiet bħal dan, qed nuru l-impenn tagħna biex nagħtuhom l-aħjar opportunitajiet possibbli”. Huwa temm billi rringrazzja lil kull min ħadem biex dan il-proġett seta’ jsir realtà.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal, “Il-gvern, permezz ta’ Aġenzija Żgħażagħ, qed jgħaqqad iż-żgħażagħ u l-għaqdiet tagħhom f’Għawdex mal-bqija ta’ Malta u lil hinn minnha. Dan l-ispazju ġdid mhux biss jirrappreżenta investiment infrastrutturali, imma huwa wkoll simbolu tal-impenn tagħna li noħolqu spazji siguri u miftuħa għaż-żgħażagħ kollha. F’dan l-ispazju, il-vuċi taż-żgħażagħ Għawdxin mhux biss tinstema’, imma tidderieġi wkoll il-ħidma tagħna.”
“Illum, b’erba’ youth workers impenjati f’Għawdex u investiment ta’ aktar minn €100,000 fis-sena, qed naraw il-frott ta’ din il-ħidma. L-Aġenzija Żgħażagħ hija sieħba reali taż-żgħażagħ u qed tkun katalist għall-bidla fil-komunitajiet tagħna. Nħeġġeġ kull żagħżugħ u żagħżugħa f’Għawdex biex tużaw dan l-ispazju bħala tagħkom – biex tesprimu ruħkom, tikbru, u tkomplu twasslu l-enerġija u l-ħsieb tagħkom,” temm jgħid Azzopardi Tanti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, qalet li dan l-ispazju ġdid jirrifletti l-impenn tal-Aġenzija biex iżżid il-kwalità tas-servizzi u tkompli tagħti s-setgħa liż-żgħażagħ Għawdxin. Hija żiedet tgħid li l-uffiċċju se jkun ukoll ċentru ta’ informazzjoni, taħriġ u networking għall-għaqdiet taż-żgħażagħ u l-komunità kollha.
L-Isqof ta’ Għawdex, Anton Teuma, kien ukoll preżenti u tkellem dwar l-importanza ta’ spazji bħal dawn għaż-żgħażagħ u għall-futur ta’ Għawdex.
L-inawgurazzjoni kienet segwita minn żjara fil-kmamar ġodda u tberik mill-Isqof ta’ Għawdex.