Ma kinetx okkażjoni waħda li minn din il-paġna lmentajt li n-nuqqas ta’ informazzjoni adekwata dwar dak li jkun qed isir kemm fuq bażi ta’ Kunsilli Lokali u aktar u aktar fuq bażi nazzjonali jista’ jagħti lok għal spekulazzjonijiet bla bżonn. Mhux biss spekulazzjonijiet imma anke konklużjonijiet żbaljati. Għalhekk huwa inkoraġġanti ħafna dak li qed ninnota f’dawn l-aħħar ġimgħat fir-rigward ta’ infurzar ta’ regolamenti fejn jirrigwarda traffiku.
Qed tingħata informazzjoni pjuttost regolari dwar xi jkun sar minn uffiċjali ta’ Transport Malta u mill-Pulizija fuq infurzar ta’ regolamenti tat-traffiku. Informazzjoni bħal din b’mod regolari minnha nnifisha sservi ta’ deterrent. Meta taqra, tara u tisma’ kemm twaqqfu karozzi, kemm inħarġu ċitazzjonijiet fuq kontravenzjonijiet, kemm saħansitra ġew ikkonfiskati vetturi jkun qed jitwassal messaġġ qawwi biex dak li jkun joqgħod attent. Kif wara kollox għandu jkun.
L-istess għandu jsir, għalkemm jidher li beda jsir xi ftit, fejn jirrigwarda proġetti. Fil-jiem li għaddew rajna protesta fi triq partikolari fil-Gżira, li ma nafx kemm-il xahar ilu għaddej xogħol fuqha bis-sulluzzu u b’detriment u inkonvenjent kbir għar-residenti. Anke jekk finalment huwa xogħol li meta jitlesta se jkun ifisser aktar kumdità għar-residenti. Imma r-residenti għandhom jingħataw informazzjoni dwar x’wassal għad-dewmien biex isir ix-xogħol. Li tgħidli li l-kuntrattur inqabad mingħajr ħaġa jew oħra ftit li xejn tirrifletti serjetà. Ebda kuntrattur m’għandu jispiċċa f’tali sitwazzjoni għax allura jkun ifisser li ngħata kuntratt għal xogħol li ma kienx preparat għalih.
Inħoss li t-twassil tal-informazzjoni għandu japplika għal kull proġett, kemm jekk ikun proġett ġdid mifrux fuq diversi stadji, bħalma huwa l-proġett tat-toroq li saru qrib l-ajruport, kif ukoll jekk ikun proġett ta’ tiswijiet jew manutenzjoni massiċċa bħalma huwa x-xogħol li issa ilu għaddej xhur twal fuq it-terminal tal-passiġġieri fiċ-Ċirkewwa.
Huwa dritt taċ-ċittadin li jinżamm infurmat u aġġornat b’mod regolari dwar jekk ix-xogħol ikunx miexi skont kif pjanat, skont in-nefqa proġettata, jekk l-istadji tiegħu jkunux mixjin skont kif skedati, x’ikunu r-raġunijiet għall-varjazzjonijiet li jista’ jkun hemm. Wara kollox l-ispiża fuqhom hija sostnuta minn flus iċ-ċittadini. Mit-taxxi tal-poplu.
Li tingħata l-informazzjoni m’għandux jiġi kkunsidrat bħala li qed isir xi pjaċir lil xi ħadd. L-għoti ta’ informazzjoni huwa bi dritt. L-informazzjoni m’għandix tingħata b’xi forma ta’ difiża għax tkun saret kritika jew protesta. L-għoti ta’ informazzjoni jelimina l-opportunitajiet lil min jaħtaf kull okkażjoni biex jispekula u jnissel dubji u skuntentizza fost iċ-ċittadini. Aktar u aktar meta liċ-ċittadin issibu mifxul għax ma jkunx mgħarraf. L-għoti ta’ informazzjoni m’għandux ikun mezz difensiv imma arma offensiva.
GO jispjegaw…Melita jibqgħu fil-muta
Fil-ħarġa ta’ din il-gazzetta tal-Ħadd, 16 ta’ Lulju li għadda kont wassalt żewġ ilmenti ta’ qarrejja differenti dwar is-servizzi ta’ Melita u ta’ GO. Tal-ewwel kif klijent ma ngħatax lura €108 li kien diġà ħallas qabel waqqaf kuntratt u tat-tieni dwar il-kwalità ta’ servizz tal-internet. Kwalità ta’ internet li fl-istess dar jasal biss ftit metri u biex ittejbu tintalab tħallas aktar.
Wara li ma kien hemm ebda tweġiba min-naħa taż-żewġ kumpaniji, erġajt ikkummentajt minn din il-paġna fil-ħarġa tal-gazzetta tal-Ħadd, 6 ta’ dan ix-xahar. Ftit jiem wara waslitli tweġiba mingħand GO.
Il-kumpanija qalet li filwaqt li tifhem li s-sitwazzjoni inkwistjoni taf tkun xi ftit frustranti, huwa importanti li wieħed jifhem id-differenza bejn il-konnessjoni tas-servizz li tipprovdi il-GO, u l-esperjenza tal-WiFi, li tiddependi fuq ħafna fatturi.
GO tipprovdi is-servizz tal-internet permezz ta’ cable minn barra, li jaqbad mal-modem (il-kaxxa li l-klijent ikollu fid-dar). Il-modem, fih inniffsu għandu servizz tal WiFi għal dawk il-klijenti li jippreferu jaħdmu, jew jaqbdu mal-Internet, mingħajr wires.
Il-kumpanija żiedet tgħid li l-konnessjoni taf tkun waħda tajba. Dan ma jfissirx li l-esperjenza tal-WiFi tkun taqbel mal-ispeed tal-konnessjoni, u spjegat għala jista’ jiġri hekk. L-esperjenza tal-WiFi, u l-kwalità tal-WiFi jiddependu fuq ħafna fatturi li ma jiddependux minn GO.
Qalet li fost l-oħrajn, dawn il-fatturi jistgħu jkunu interferenzi minn konnessjonijiet oħra li l-klijent jista’ jkollu viċin tiegħu, minn kif inhi mqassma d-dar (per eżempju kurituri twal), il-ħxuna tal-ħitan, il-bini li jkun hemm madwaru u x’devices oħra jista’ jkollu imqabbda mal-istess kaxxa tal-Wifi.
Xogħol GO huwa li jwasslu l-internet sal-modem tal-klijent – ħaġa li jagħmilha t-technician meta jmur jinstalla s-servizz. Il-klijent imbagħad, ikollu l-internet direttament mill-modem jew permezz tal-WiFi li jipprovdi l-modem. Dan huwa dak li qed iħallas għalih il-klijent.
Illum il-ġurnata, qalet il-GO, ħafna iżjed klijenti jagħżlu li jużaw il-WiFi flok joqgħodu jqabbdu wire. B’riżultat ta’ dan, il-klijenti jfittxu li jkollhom WiFi f’kull parti tad-dar tagħhom minflok numru ta’ wires. Il-modem ta’ GO diġà jipprovdi WiFi iżda f’certu każijiet, is-sinjal tal-WiFi jkollu bżonn iżjed saħħa biex iwassal ma’ kullimkien, għal raġunijiet imsemmija.
Huwa hawnhekk, qalet il-kumpanija, li GO tipprovdi dawn il-kaxxi addizzjonali li ssemmew fl-ilment – purament għal min il-WiFi tal-modem mhux biżżejjed biex ilaħħaq mal-bzonnijiet partikolari tal-klijent.
“Rigward il-prezz tal-Home Pack ta’ GO, dan ma jiġix reklamat hekk biex jiżgwida lill-klijenti iżda għax mhux kulħadd ikollu bżonn boost tal-WiFi. F’każ li ċerti nies ikollhom bżonn boost tal-WiFi, dawn ikollhom bilfors jinqdew b’dawn il-kaxxi addizzjonali, kemm jekk jiddeċiedu li jixtru s-soluzzjoni ta’ GO, jew soluzzjonijiet minn kumpaniji oħrajn,” ittemm tgħid it-tweġiba min-naħa tal-kumpanija GO.
Irrelevanti jekk spjegazzjoni bħal din hix sodisfaċenti, imma almenu taw spjegazzjoni, li ma narax għalfejn kellha tieħu daqstant żmien biex tingħata.
Il-każ tal-kumpanija Melita huwa ferm agħar. Ma naħsibx li l-awtoritajiet konċernati għandhom jippermettu li kumpanija bħal Melita tinjora ilment pubbliku, anke jekk tħoss li tali ilment ma jkunx ġustifikat. Melita għandha tkun taf li attitudni bħal dik użata minnha f’dan il-każ ma tattirax klijenti lejha. Anzi tnaffarhom.
Il-ħajt tal-pjanti mal-iskola ta’ Ħaż-Żebbuġ jerġa’ jingħata l-ħajja
Nhar il-Ħadd, 14 ta’ Mejju li għadda kont ilmentajt mill-mod kif kien iddeterjora ‘ġnien’ żgħir mal-ħajt tal-iskola governattiva ta’ Ħaż-Żebbuġ, eżattament fir-rokna fejn hemm il-Monument għall-Vittmi tan-Nar tal-Festi Żebbuġin, quddiem iċ-Ċimiterju tal-Qalb ta’ Ġesù.
Ma nafx taħt ir-responsabbiltà ta’ min taqa’ din ir-rokna, imma fil-jiem li għaddew il-Kunsillier Żebbuġi Toni Borg (Il-Bajdu) tella’ post fuq Facebook li fih qal li l-Kunsill ta’ Ħaż-Żebbuġ jieħu ħsieb l-ambjent. Tella’ ukoll ritratti li juru r-rokna mimlija pjanti ġodda. Tieħu gost tinnota dan, għax jekk ma jsirx hekk jerġa’ jseħħ dak li kont ikkummentajt u lmentajt dwaru f’Mejju li għadda “imma mbagħad dak li żgur li m’għandux isir huwa li l-ewwel ħafna entużjażmu u wara xi ftit taż-żmien tonqos il-ħeġġa bil-konsegwenza li dak li suppost ikun sar biex isebbaħ jinqaleb ta’ taħt fuq u jibda jkerraħ.”
Konvint li l-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ mhux se jħalli li jsir hekk, aktar u aktar jekk dan l-inkarigu tħalla f’idejn il-Kunsillier Toni Borg. Prosit u ħajr li ngħata widen għall-ilment minn din il-paġna.
L-ispirtu festiv m’għandux età
Seħibna John Pisani qatt ma kien dilettant tal-festi, anke jekk dawn joffru spettakli fotografiċi li għalih jinżlu għasel. Tant mhux dilettant li ilu joqgħod il-Mosta 38 sena u kien fil-festa ta’ Santa Marija li għadha kemm għaddiet li fettillu ‘jattendi’ l-ewwel darba għall-attivitajiet festivi Mostin!!!!!!!
Għaddieli diversi ritratti sbieħ immens imma laqtuni ħafna tnejn minnhom għax rajthom tiżwieqa li turi li l-ispirtu festiv m’għandux età. Ir-ritratt ta’ fuq juri kurunettista żagħżugħ tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija bil-librett tal-marċi rifless fuq in-nuċċali filwaqt li fir-ritratt l-ieħor tidher anzjana ‘tidderieġi’ lil anzjani oħrajn jikkumplimentaw mad-daqq tal-banda tas-Soċjetà Nicola Isouard.