Monday, October 27, 2025

AĠĠORNAMENT KONTINWU: BUDGET 2026

Aqra wkoll

21:06: Settur li qed ikompli jikber huwa dak tal-films, fejn il-Kummissjoni Maltija tal-Films irnexxielha ddawwar din l-industrija minn waħda staġjonali għal waħda li taħdem matul is-sena kollha, b’aktar Maltin u Għawdxin jaħdmu fil-films.

Issa, il-Kummissjoni tal-Films waslet fil-fażi finali tad- dokumentazzjoni għall-bini tal-ewwel soundstage f’Malta.

Wegħda li ilha tinstema’ minn żmien l-Indipendenza ’l hawn. Issa li l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar huma maħruġa, hu mistenni li tinħareġ sejħa għal investiment privat biex dan il- proġett tal-Malta Film Studios isir realtà. Komplejna nsaħħu l-industrija tal-films lokali. Qed naħdmu biex pajjiżna jidħol fil- Eurimages tal-Kunsill tal-Ewropa biex nagħtu iktar opportunitajiet lill-kreattivi Maltin u Għawdxin għal iktar opportunitajiet ta’ koproduzzjonijiet u għad-distribuzzjoni tal-proġetti tagħhom.

20:59: Inizjattiva fejn il-Gvern se jagħti sostenn lill-vittmi tal-vjolenza domestika li jkollhom bżonn akkomodazzjoni alternattiva waqt li jkunu għaddejjin bil-proċeduri tas-separazzjoni.

Din il-miżura hija maħsuba biex verament tgħin lil vittmi tal- vjolenza domestika joħorġu miċ-ċirku vizzjuż li jkun hemm f’relazzjoni abbużiva jew li dawn il-persuni jinqabdu fiha.

20:58: Fil-qasam tal-Ġustizzja, wara li se nkunu varajna r-riforma fil-proċess tal-kumpilazzjonijiet, se nikkonkludu l-ewwel fażi tar-Riforma fil-Qorti tal-Familja, kif ukoll ir-Riforma fil-Midja li bħalissa tinsab fi stadju ta’ konsultazzjoni pubblika. Qed inkomplu naħdmu fuq diversi proġetti biex binjiet li ġew akkwistati mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati jiġu żviluppati għall-Qorti tal-Kummerċ, għas-sede ġdida għall-Qorti tal-Familja kif ukoll qed ikompli x-xogħol fuq l-iżvilupp tal-bini fi Strada Stretta, dan wara li ġiet inawgurata l-binja l-ġdida li se tospita l-Maġistrati Inkwerenti, il-Qorti Volontarja u l-Qorti ta’ Reviżjoni tal-Atti Notarili.

20.56: L-ordni u s-sigurtà f’pajjiżna ġew ikklassifikati mal-ewwel għaxra fost dawk ta’ 142 stat ieħor globali fl-istħarriġ, imsejjaħ World Justice Project Global Rule of Law Index. Fost l-oħrajn, hemm kemm soċjetà kapaċi toffri sigurtà liċ-ċittadini u l-istħarriġ jiddefinixxiha bħala wieħed mill-aspetti fundamentali għas-saltna tad-dritt u bħala funzjoni ewlenija tal-istat.

20:47: L-infrastruttura u s-servizzi mogħtija mill-isptar ta’ Għawdex se jkomplu jissaħħu permezz tal-estensjoni tad-Dipartiment tal-Outpatients, bil-għan li tiżdied l-effiċjenza, jitnaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija u jissebbaħ l-ambjent li se jkun qed jilqa’ lill-pazjent fih. 

Proġetti ambizzjużi oħra ppjanati għas-snin li ġejjin jinkludu l-helipad il-ġdid, l-espansjoni tal-kumpless tat-teatru operattiv, it-twaqqif ta’ Unità Renali ġdida, it-titjib tal-Unità tal-Kura Koronarja, l-introduzzjoni ta’ Unità ta’ Dipendenza Għolja, l-iżvilupp ta’ kumpless li se jakkomoda l-Unità Iperbarika, kif ukoll il-bini ta’ spiżerija ġdida.

20:44: Matul is-sena d-dieħla, bħala parti mill-proġett ta’ mitt triq residenzjali ġdida f’Għawdex fit-tliet snin li ġejjin, mistenni li jidħol fil-fażi finali l-bini mill-ġdid tat-triq prinċipali li tgħaqqad ir-Rabat ma’ Marsalforn. Apparti hekk se jitnedew ix-xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni u aġġornament tas-servizzi ta’ diversi toroq arterjali fin-Nadur u l-Qala. Se jingħata bidu wkoll għax-xogħol ta’ rikostruzzjoni tat-toroq arterjali ta’ Triq San Anard, ir-Rabat, u parti minn Triq ir-Rabat, in-Nadur.

20:41: Fil-qasam marittimu se nkunu qed naraw li jsir titjib fit-terminals taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr. Il-proġett ambjentali tax-Shore- to-Ship Supply 2 fil-Port il-Kbir se jkompli filwaqt li qed issir riġenerazzjoni u bini ta’ Waterpolo Pitch u faċilitajiet relatati, u l-estensjoni tal-bajja ġewwa Marsaxlokk.

20:38: Se nkomplu naħdmu fuq il-Proġett ta’ Msida Creekli se jsarraf fi tnaqqis ta’ konġestjoni ta’ traffiku, titnaqqas il- problema ta’ għargħar u titjieb il-kwalità ta’ arja fl-inħawi. Se nkomplu ninvestu wkoll f’infrastruttura aħjar għal min jagħżel li jivvjaġġa bil-mixi jew bir-rota permezz tal-Proġett C-SAM.

Bdejna wkoll l-ewwel 5 proġetti mill-iskema Vjal Kulħadd bil- għan li tittrasforma d-disinn tat-toroq lokali fi spazji aktar sikuri, aċċessibbli u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent.

Is-sena d-dieħla se nkomplu nagħtu prijorità lis-sigurtà fit-toroq u tidħol fis-seħħ wegħda elettorali oħra permezz tat-twaqqif tar-Road Transport Investigation Bureau. Fl-istess ħin ikomplu kampanji edukattivi dwar is-sigurtà fit-toroq tagħna bħal dik ‘Aħsibha Darbtejn’.

Fl-2026 se nkunu qegħdin naħdmu sabiex Għawdex ikollu l-flotta kollha tal-karozzi tal-linja elettrifikata.

20:36: Ninsabu impenjati bis-sħiħ biex intejbu l-ħarsien tal-annimali f’pajjiżna. Is-sena d-dieħla se nibdew il-proċess sabiex nibnu krematorju u ċentru ġdid għal rehoming ta’ annimali tat-triq, inkluż kenn għal żwiemel.

Sptar tal-annimali

Għaddejjin preparamenti biex fil-ġimgħat li ġejjin jibda jopera l-isptar tal-annimali. Sadanittant, se nibdew noffru servizz ta’ veterinarju f’ħinijiet atipiċi, bejn it-8:00pm u t-8:00am, fil-Ħdud u l-festi pubbliċi.

20:33: Matul is-sena d-dieħla, se nkomplu bil-ħidma fuq dawn il- proġetti, anke għaliex ħafna xogħol preparatorju ta’ pjanar u sejħiet għall-offerti jibda jħalli l-frott u l-implimentazzjoni tidħol f’fażijiet oħra. Insemmi, fost oħrajn, kif mistenni jsir progress fuq diversi proġetti kapitali maġġuri, fosthom dawk ta’ Vjal ir-Rihan f’San Ġwann, Triq Sant’Anna fil-Furjana, il-parkeġġ taħt l-art f’Bormla u s-Sustainable Innovation Hub f’Birżebbuġa (Siċċa) li se jkun qiegħed jieħu post l-impjant tal-fjuwil ta’ San Luċjan.

20:29: L-impenn u l-isforz tal-familji u n-negozji li ta’ kuljum jisseparaw l-iskart tagħhom qed jagħti l-frott, u r-riżultati huma ċari. Dan hekk kif l-iskart imħallat, tal-borża s-sewda, naqas b’35% mill-2018 ’l hawn. Is-sena l-oħra, il-WasteServ ipproċessat rekord ta’ 29,500 tunnellata ta’ skart organiku li jfisser żieda ta’ 43% meta mqabbel mal-2022. B’hekk, ipproduċejna biżżejjed enerġija rinnovabbli għal iktar minn 960 familja għal sena, kif ukoll, mal- 2,700 tunnellata ta’ kompost ta’ kwalità għolja.

20:28: Proġett li mexxejna u li rridu li jkompli jagħmel differenza hu dak fejn minn waste water nagħmlu new water li jintuża mill-bdiewa u għalhekk innaqqsu l-pressjoni fuq l-ilma tal-pjan. Qed insaħħu l-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ new water fin-Nofsinhar ta’ Malta bl-estensjoni ta’ madwar 16-il kilometru fis-sistema ta’ distribuzzjoni li se titlesta fil-bidu tal-2026. Wara nkomplu billi nirduppjaw il-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ new water fit-Tramuntana ta’ Malta u f’Għawdex.

20:24: Is-servizzi tas-saħħa se jkomplu jitjiebu u jitwessgħu sabiex jilħqu l-iktar firxa wiesgħa ta’ pazjenti, fl-iqsar żmien possibbli. Dan se nkunu qed inwettquh permezz tal-estensjoni tal-ħinijiet tal-ftuħ taċ-Ċentri tas-Saħħa f’Ħal Qormi u l-Gżira sabiex jibdew joperaw erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, filwaqt li ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Għawdex, se jibda jopera sa nofsillejl.

Il-Gvern jibqa’ impenjat sabiex jipproteġi u jippromwovi s-saħħa u l-benesseri tal-individwi kollha li jgħixu fil-Gżejjer Maltin — b’enfasi qawwija fuq l-inklussività u l-ekwità. Għaldaqstant, se jsiru diversi kampanji dwar in-nutrizzjoni, il-benesseri diġitali, il-prevenzjoni minn mard kroniku, is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol kif ukoll edukazzjoni dwar l-aċċessibilità tas-servizzi tas-saħħa.

20:24: Fl-2026, se jinfetħu tliet Ċentri Reġjonali tas-Saħħa Mentali ġodda f’Bormla, kif ukoll fir-Reġjuni Ċentrali u tat-Tramuntana ta’ Malta. Minbarra li joffru ambjent aktar pjaċevoli u sigur, iċ-ċentri l-ġodda se jippermettu aċċess imtejjeb għas-servizzi tal-kura tas-saħħa mentali permezz t’aċċessibilità usa’, b’approċċ multidixxiplinarju konsolidat, kontinwità tal-kura, u t-tqarrib tas-servizzi lejn id-dar u x-xogħol.

Barra minn hekk, se jinfetaħ ċentru soċjali ġdid għall-persuni li jagħmlu użu mis-servizzi mogħtija mill-isptar Monte Carmeli.

20:22: “Inħabbar l-estensjoni notevoli fl-età tal-intitolament tal- Kartuna r-Roża — minn 75 għal 65 sena. Għaldaqstant, persuni minn 65 sena ’l fuq li jkunu qed jirċievu l-Għajnuna Supplimentari, se jiġu intitolati awtomatikament u bla ħlas għall-mediċini preskritti taħt il-Kartuna r-Roża, u dan mingħajr il-ħtieġa li jissodisfaw it-test tal-mezzi.”

20:19: Il-pjan għal Mater Dei jinkludi l-estensjoni tan-Neonatal (ICU) u l-Paediatric Units, fid-dawl tal-inċidenza ta’ tqala multipla li żdiedet konsiderevolment minn meta l-Gvern introduċa t-trattament tal- IVF bla ħlas. Se ninvestu wkoll fit-tieni Teatru Ostetriku sabiex inkomplu nħarsu s-saħħa tal-omm u l-wild tagħha. Barra minn hekk, se nintroduċu faċilità ta’ krijopreservazzjoni avvanzata li tikkumplimenta l-espansjoni kontinwa tal-programm tal-IVF.

F’Mejju 2025, il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat is-servizz tal-kura tal-kanċer f’Malta bħala wieħed li jħaddan l-aqwa prattiċi, u għaldaqstant, ħajret lil pajjiżi oħra biex isewgu l-passi tagħna.

Kumplimentari mas-servizzi eżistenti, mis-sena d-dieħla se jsir investiment fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo li se jwassal għall-ftuħ ta’ sala ta’ matul il-jum, iddedikata għall- ematoloġija. Proġett importanti ieħor jirrigwardja l-bidla tal- flotta eżistenti ta’ aċċellaturi lineari, sabiex pazjenti tal-kanċer li jeħtieġu r-radjoterapija jirċievu l-aqwa trattament possibbli. Se tiġi introdotta wkoll sistema msejħa Fast-Track Online Referral System għall-immaniġġjar f’waqtu ta’ istanzi ta’ suspett ta’ kanċer ġinekoloġiku.

20:12: Dan il-Gvern se jibqa’ jħares u jagħti prijorità lill-istudenti u liż-żgħażagħ tagħna. Nagħrfu li hemm ċerti sfidi li jiffaċċjaw l-istudenti u aħna smajniehom. B’hekk illum qed inħabbar li se nkunu qed inżidu l-istipendji bi 15%. Dan ifisser €6 miljun aktar fil-bwiet taż-żgħażagħ tagħna.

20:08: Fl-2025 se nqassmu madwar 20,000 apparat diġitali lil studenti tas-snin 4, 7, 8 u 9. Dan biex kull student ikollu aċċess ugwali għat-teknoloġija. Barra minn hekk, qed nimplimentaw riżorsi u pjattaformi diġitali ġodda sabiex intejbu l-mod kif isir it-tagħlim u nżidu l-appoġġ għall-edukaturi u l-ġenituri.

Din l-inizjattiva, li rat it-twettiq ta’ wegħda oħra fil-manifest elettorali tal-Gvern, tirrappreżenta investiment sinifikanti fl- edukazzjoni diġitali tal-istudenti tagħna. Fuq din il-bażi, il-Gvern jemmen li l-pass li jmiss huwa li jipprovdi għajnuna finanzjarja ta’ €500 lill-familji kollha li għandhom studenti fis-sena 10 u 11, sabiex ikompli jsaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Diġitali għall-Edukazzjoni u jrawwem ambjent ta’ tagħlim diġitali għal kulħadd.

20:04: L-investiment li qed inkomplu nattiraw fl-industrija tat-turiżmuhuwa maħsub biex inkomplu nvarjaw is-swieq li minnhom jaslu t-turisti f’Malta, bil-għan li Malta tibqa’ tkun destinazzjoni mfittxija għal interessi varji, li minnha jgawdi kulħadd. Riċentament għadna kif ħabbarna li minn Ġunju 2026 se jkollna titjiriet diretti mill-Amerika. Dan se jgħin sabiex insaħħu l-istrateġija sabiex nattiraw aktar turisti ta’ kwalità. Fl-istess waqt, ilkoll nifhmu li turist ta’ kwalità jistenna prodott mill-aħjar waqt iż-żjara. 

Għaldaqstantirridu niżguraw aktar investiment fl-infrastruttura u l-ambjent f’ċerti żoni. Biex dan iseħħ qed naraw li l-ekokontribuzzjoni mħallsa mit-turisti titla’ minn €0.50 għal €1.50 għal kull lejl li jqattgħu f’pajjiżna.

20:02: Fil-qasam tat-turiżmu bqajna naraw riżultati li jagħtuna kuraġġ biex inkomplu nħarsu ’l quddiem. Matul is-sajf li għadda ngħata sinjal ċar li bl-involviment ta’ kulħadd nistgħu naslu biex nilħqu bilanċ aħjar għal esperjenzi ta’ kwalità ogħla f’pajjiżna.

Dan rajnieh b’mod ċar f’Kemmuna, fejn irnexxielna nnaqqsu l-viżitaturi bi 68% meta tqabblu l-iżjed jiem impenjattivi f’Awwissu tas-sena li għaddiet ma’ dawk tal-istess xahar f’din is-sena. Il-pjanti mressqa quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex il-faċilitajiet ta’ din il-gżira jkomplu jitjiebu u jidħlu id f’id mas- sbuħija ta’ Kemmuna, se jkomplu jagħmlu minn din il-gżira ħolqa importanti mill-kullana li ssejjes lil Malta bħala destinazzjoni ta’ kwalità.

19:58: Qiegħed fi stadju avvanzat il-proċess sabiex is-sena d-dieħla toħroġ sejħa pubblika għall-iżvilupp ta’ Selmun Palace u Fortn Campbell. L-għan hu li noħolqu spazji pubbliċi ġodda ġewwa Fort Campbell li jkunu jistgħu jitgawdew mill-familji, filwaqt li nieħdu l-użu massimu ekonomiku minn Selmun Palace b’mod sostenibbli u b’rispett lejn il-wirt storiku tagħna.

F’dan l-istess spirtu, se nniedu proċess ta’ analiżi tas-suq għal proġett f’Tas-Sliema: wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, se nħejju sejħa pubblika għal spazju miftuħ ta’ kwalità b’parkeġġ taħt l-art. Dan il-proġett għandu jagħti lura liċ-ċittadini Maltin u dawk li jżuruna pjazza u ġonna b’dell, żoni ta’ logħob u rikreazzjoni, mogħdijiet aċċessibbli li jnaqqsu s-sħana urbana, filwaqt li l-parkeġġ taħt l-art inaqqas it-traffiku u jsaħħaħ il- kummerċ lokali.

Biex inżidu l-attività lejn l-Artisanal Village u noffru attrazzjonijiet fejn il-familji Maltin, Għawdxin u t-turisti jistgħu jirrikreaw ruħhom, se toħroġ sejħa pubblika għal Family Amusement Park ta’ Ta’ Qali — proġett imfassal bi standards għoljin ta’ sigurtà, aċċessibbiltà u sostenibbiltà, biex il-familja u l-kultura Maltija jkunu fiċ-ċentru tad-disinn urban tagħna.

19:47: “Sabiex ngħinu aktar lis-self-employed u negozji żgħar, nedejna skema li tippermettilhom jixtru garaxx industrijali minn fejn joperaw, bil-Gvern ikopri nofs l-ispiża sa massimu ta’ €300,000.

Barra minn hekk, INDIS identifikat sit għal kumpless ġdid f’Ħal Far għal SMEs; ix-xogħol fuq dan is-sit diġà beda u mistenni jitlesta fi żmien sentejn. INDIS għaddejja wkoll bix-xogħlijiet biex noħolqu spazji moderni għal intrapriżi li jiżviluppaw prodotti tas-saħħa, farmaċewtiċi, light industry u bijoteknoloġiċi — inkluża l-marine biotechnology — qasam fejn pajjiżna, imdawwar bil-baħar, jista’ jsir referenza Ewropea. B’dan kollu, qed nibnu katina ta’ valur li tibda minn idea lokali u tasal sas-suq internazzjonali.”

19:42: Sitt snin ilu nedejna l-ewwel strateġija nazzjonali għall-iżvilupp tal-video games u l-esports għax emminna fil-potenzjal taż- żgħażagħ tagħna u l-opportunità ekonomika tad-divertiment diġitali. Illum qegħdin naraw ir-riżultati ta’ dik il-viżjoni: kumpaniji bħal Keywords (Sperasoft u Electric Square), Twin Harbour,  Games, Anvil Games, Flying Squirrel, Feenic u Draw & Code fost oħrajn qed jiżviluppaw prodott għal swieq internazzjonali filwaqt li jimpjegaw artisti, żviluppaturi, disinjaturi u kittieba Maltin.

Biex inżommu dan it-tkabbir, il-Gvern issieħeb ma’ Unity u Unreal Engine sabiex l-istudenti u l-professjonisti Maltin jiġu mħarrġa fuq l-aktar pjattaformi użati fid-dinja. Dan l-investiment strateġiku qed jagħti liż-żgħażagħ aċċess għal karrieri fil-produzzjoni tal-logħob, teknoloġiji immersivi, simulazzjoni, animazzjoni, AR u VR. Permezz tal-ftehim ma’ Unity, illum għandna 400 student li huma Unity-Certified, u għalhekk jinfetħulhom opportunitajiet kbar fil-video gaming, is-simulazzjoni u l-XR. Bi pjaċir, inħabbar li dan il-ftehim se jiġi estiż, u għas-sena d-dieħla diġà applikaw 200 student ieħor.

19:35: Permezz tal-Business Development Scheme, li ħa terġa’ tiġi estiża, qegħdin nassistu intrapriżi li qed jespandu, jittrasformaw u joħolqu impjiegi speċjalizzati. L-estensjoni tal-Get Qualified u tal-Higher Educational Qualifications kompliet tgħin lill-ħaddiema jmorru għal kwalifiki ogħla. Tajna wkoll spinta lill-ekosistema ta’ start-ups b’inizjattivi konkreti: B-Start għall-kapital inizjali, Start- up Finance għal self rimborsabbli, u Accelerate biex in-negozji fl-ewwel snin tagħhom jieħdu spinta ’l quddiem permezz ta’ aċċelleraturi ta’ klassi dinjija.

19:31: L-iskema tal-ħlas ta’ 10% tad-depożitu fuq il-loan għad-dar se tiżdied għal €250,000 minn €225,000 biex ngħinu aktar lil dawk li ma jkollhomx biżżejjed flus biex jagħmlu l-konvenju. Is-self jitħallas lura fi żmien 25 sena bl-imgħaxijiet jitħallsu mill-Awtorità tad-Djar.

Għaddejjin ukoll taħdidiet mal-banek biex nagħmluha aktar faċli ħalli dawk ta’ dħul baxx jużaw il-loans soċjali biex jixtru darhom.

Bl-istess mod, qed jitfasslu emendi ġodda biex ngħinu djar vakanti jiġu riabilitati mis-sidien sabiex jinkrew lill-individwi fuq l-istess binarji tal-iskema Nikru biex Nassistu.

Se nwieżnu wkoll l-għajnuna fejn tidħol installazzjoni ta’ aktar liftijiet. Fl-aħħar 5 snin, bħala medja twaħħal lift kull ġimagħtejn fl-oqsma ta’ akkomodazzjoni soċjali. Għas-sena d-dieħla se nwarrbu €2 miljun oħra għall-installazzjoni ta’ aktar liftijiet.

19:26: Minn Jannar 2026, se nżidu r-rata ta’ sussidju tal-iskema Home Helper of Your Choice biex minn sussidju ta’ €9 fis-siegħa jitla’ għal €10 fis-siegħa u b’hekk ninċentivaw aktar lill-anzjani jagħżlu l-helper tal-fiduċja tagħhom.

Se jkun hemm żieda fl-iskema tal-Carer at Home li titħallas lill- anzjani li jimpjegaw carer full-time. Din se tiżdied b’€500 oħra għal €9,000 fis-sena.

19:24: Fir-Rabat, Malta flimkien mal-Kunsill Lokali, l-Aġenzija Sapport se tkun qed taħdem fuq l-ewwel hub inklussiv f’pajjiżna.

L-għan ta’ dan il-hub hu li jinħoloq spazju mhux biss għall-persuni b’diżabilità iżda għall-komunità kollha fosthom żgħażagħ, anzjani u għaqdiet fejn ikun hemm ukoll l-opportunità li jsiru attivitajiet flimkien u anke jintuża bħala spazju għall-użu mill-komunità kollha.

Matul is-sena 2026, il-Gvern se jkun qed jiftaħ ċentru ġdid ta’crespite f’Ħad-Dingli mmirat għaż-żgħażagħ u minuri b’diżabilità.

Dawn is-servizzi huma pilastru importanti biex dawk il-familji li qed irabbu wlied b’diżabilità jieħdu l-mistrieħ meħtieġ, waqt li wliedhom ikunu taħt tmexxija professjonali.

19:19: Persuni li kienu ingaġġati mal-Korporazzjoni Telemalta bejn l-1 ta’ Jannar tal-1978 u l-15 ta’ Jannar tal-1979 li minħabba tibdil fil-politika tal-korporazzjoni naqsu milli jikkwalifikaw għal skema ta’ pensjoni simili għal dik li kienet tapplika sal- bidu tal-1979 għall-impjegati fis-servizz pubbliku;

Eks ħaddiema tal-Malta Drydocks u tal-Malta Shipbuilding li fl-2003, b’mod arbitrarju, kienu trasferiti mal-Industrial Projects and Services Ltd, b’telf fid-dħul tagħhom; Eks ħaddiema tal-Gas Board li kienu trasferiti mal- Korporazzjoni Enemalta;

Eks impjegati tar-Rediffusion Group of Companies li kienu ġew assimilati mal-Korporazzjoni Telemalta fl-1975, u persuni oħra li kienu ingaġġati fil-fergħa tax-xandir tal-korporazzjoni qabel l-1 ta’ Jannar 1978.

Sal-lum se nkunu tajna mad-€90 miljun għal dawn l-inġustizzji u se nallokaw €3.5 miljun oħra għas-sena d-dieħla.

19:11: Fl-2026, se nżidu l-limitu tad-dħul li jistabbilixxi r-rati li huma ogħla mir-rata bażika minn €27,434 għal €30,000. Barra minn hekk, ir-rata taċ-Children’s Allowance ta’ familji li allura jaqilgħu anqas minn €30,000 tiżdied b’€250 kull wild. Dan se jkun ifisser ukoll li għal dawk il-familji li jaqilgħu anqas minn €23,000 netti fis-sena, minbarra l-€250 imsemmija jistgħu jiżdiedu sa €167 oħra kull wild, skont id-dħul tagħhom.

B’hekk f’4 snin kull familja li tieħu ċ-Children’s Allowance se tkun rat żieda ta’ bejn €590 u €1,007 għal kull wild. Dan mhux biss huwa sostanzjalment aktar milli wegħdna imma miegħu jrid jiżdied ir-roħs sostanzjali fit-taxxa li minnu se jgawdu l-ġenituri bit-tfal.

Żieda ta’ €75 oħra fuq kull wild, bħala parti mill-wegħda li sa tmiem din il-leġiżlatura ngħollu r-rati kollha tal-In-Work Benefit b’€200. Infakkar li l-ogħla rata li titħallas bħalissa hija ta’ €1,550 għal kull wild.

Żieda ta’ €500 oħra fil-Bonus għat-Twelid u Addozzjoni. Għall-ewwel wild dan se jitla’ għal €1,000, €1,500 għat-tieni wild u €2,000 għat-tielet wild u aktar.

Żieda fl-għotja għall-addozzjoni. Ir-rimborż ta’ spejjeż għall-addozzjoni barra minn Malta jiżdied minn massimu ta’ €10,000 sa massimu ta’ €12,000. Għal addozzjoni lokali r-rimborż minn €1,000 se jiżdied għal €2,000, li minnhom €500 jingħataw bħala għotja.

19:04: Żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fil-pensjoni lil 100,000 pensjonant tal-irtirar, tal-invalidità u romol, kif ukoll lil dawk li huma intitolati għal pensjoni tal-età.

Żieda addizzjonali li tilħaq medja ta’ €3.50 fil-ġimgħa lil 7,000 pensjonant romol.

Żieda ta’ €10 fil-ġimgħa fl-allowance lil 1,000 persuna li huma romol u li għadhom irabbu. Dan l-allowance se jiġi estiż sakemm l-ulied jilħqu 23 sena.

Żieda fl-Allowance Supplimentari. Ir-rata massima li titħallas lill-koppji se togħla għal €27.30 fil-ġimgħa filwaqt li dik tal- persuni singoli se tiżdied għal €14.40 fil-ġimgħa. Il-limitu tad-dħul se jitla’ għal €20,000 għall-koppji u €14,000 għal persuni singoli.

19:01: “Il-Komputazzjoni Ġenitur b’Żewġ Ulied jew Aktar tapplika f’każijiet fejn iż-żewġ ġenituri jkunu jaħdmu u jkollhom aktar minn wild wieħed. B’kollox, mad-29,300 ġenitur se jibbenefikaw minn din il-komputazzjoni.

Nerġa’ nfakkar li bir-rati preżenti dawn il-familji jibdew iħallsu t-taxxa hekk kif id-dħul tagħhom jaqbeż it-€13,000. Din is-solja se titla’ għal €18,500 s-sena d-dieħla, €24,000 fl-2027 u €30,000 fl-2028. Iva, Sur President, sewwa fehmu dawk li qed isegwuna, li fi żmien 3 snin, dawk il-ġenituri li jaqilgħu €30,000 kull wieħed u għandhom żewġt itfal jew aktar mhux se jħallsu ċenteżmu wieħed f’taxxa fuq id-dħul.

Dan għadu mhux biżżejjed Sur President. Minħabba ż-żieda fis-solja u tibdil fil-faxex tat-taxxa, il-massimu ta’ ffrankar fit- taxxa għal kull ġenitur b’żewġ ulied jew aktar se jkun ta’ €1,625 fl-2026, €3,250 fl-2027 u €5,000 fl-2028. Dan ifisser li fi żmien 3 snin, dawk il-ġenituri li jkollhom dħul ta’ €42,000 kull wieħed se jiffrankaw mal-€10,000 f’taxxa bejniethom.

Il-medja ta’ ffrankar mit-taxxa fl-aħħar tat-tielet sena għal kull ġenitur mistennija tkun dik ta’ €3,500.

Fuq medda ta’ 25 sena dan ikun ifisser, li bit-tnaqqis fit-taxxa tas-sena l-oħra u dak li għadni kemm ħabbart, familji b’aktar minn wild wieħed se nkunu naqqasnielhom il-piż tat-taxxa b’massimu ta’ €257,000.”

18:57: Il-Komputazzjoni Miżżewġin tapplika f’każijiet fejn aktarx ikun hemm wieħed biss mill-konjuġi li jkun jaħdem jew inkella d-dħul tal-parti l-oħra jkun żgħir.

Kif għidt, dawn il-familji jibdew iħallsu t-taxxa hekk kif id-dħul tagħhom jaqbeż il-€15,000. Is-sena d-dieħla din is-solja se titla’ għal €22,500, €30,000 fl-2027 u €37,000 fl-2028. Dan ifisser, li l-ammont li wieħed ma jħallasx taxxa fuqu se jiżdied bi €22,000 fuq 3 snin fuq dak li hemm illum.

Minħabba ż-żieda fis-solja u tibdil fil-faxex tat-taxxa, il-massimu ta’ ffrankar fit-taxxa għal dawn il-familji b’żewġ ulied jew aktar se jkun ta’ €2,025 fl-2026, €4,050 fl-2027 u €6,000 fl-2028.

Madwar 5,000 familja se jgawdu taħt din il-komputazzjoni, b’medja ta’ ffrankar mit-taxxa jkun dak ta’ €3,500 fl-aħħar tat- tielet sena.

18:53: Il-Komputazzjoni Miżżewġin tapplika f’każijiet fejn aktarx ikun hemm wieħed biss mill-konjuġi li jkun jaħdem jew inkella d-dħul tal-parti l-oħra jkun żgħir.

Illum dawn il-familji jibdew iħallsu t-taxxa hekk kif id-dħul tagħhom jaqbeż il-€15,000. Nibda billi ngħid Sur President, li din is-solja se titla’ għal €17,500 is-sena d-dieħla, €20,000 fl-2027 u €22,500 fl-2028. Dan ifisser, li fuq 3 snin biss ħa nkunu żidna s-solja li fuqha ma tħallasx taxxa b’50% fuq dak li hemm illum.

Minħabba ż-żieda fis-solja u tibdil fil-faxex tat-taxxa, il-massimu ta’ ffrankar fit-taxxa għal dawn il-familji b’wild wieħed se jkun ta’ €725 fl-2026, €1,450 fl-2027 u €2,175 fl-2028.

Madwar 2,400 familja se jgawdu taħt din il-komputazzjoni, b’medja ta’ ffrankar mit-taxxa ta’ €1,575 fl-aħħar tat-tielet sena. Fuq medda ta’ 23 sena dan ikun ifisser, li bit-tnaqqis fit-taxxa tas-sena l-oħra u dak li għadni kemm ħabbart, familji b’wild wieħed se nkunu naqqasnielhom il-piż tat-taxxa b’massimu ta’ €65,000.

18:50: se nnaqsu l-piż tat-taxxi għal familji bit-tfal b’xejn anqas minn €160 miljun. B’kollox huwa mistenni li madwar 68,000 ġenitur igawdu minn dan it-tnaqqis. B’eluf ta’ familji oħra jgawdu fis-snin li ġejjin. Biex kulħadd jifhem il-kobor ta’ din il-miżura, it-tax cut tas-sena l-oħra ras għal ras ħalliet fil-bwiet madwar €500. B’din il-miżura ta’ issa se nħallu madwar €2,400 bħala medja f’kull but tal-ġenituri. Dan l-iffrankar fit-taxxa se jsir fuq medda ta’ 3 snin, jiġifieri li t-taxxa li se titħallas se tkun qed tonqos sena wara sena għat-3 snin li ġejjin u tibqa’ l-istess fis-snin sussegwenti.

18:43: “F’dak li għandu x’jaqsam id-defiċit, ir-riżultati huma ċari. Għalkemm fl-2020, fl-ewwel sena tal-pandemija, id-defiċit kienlaħaq 8.7%, fi żmien erba’ snin irnexxielna nniżżluh għal 3.5% fl-2024 u dan minkejja l-miżuri kollha li ħabbarna matul dawn is-snin.

Fil-Budget għal din is-sena kont bassart defiċit ta’ 3.5%; illum, b’sodisfazzjon, inħabbar li għal din is-sena, ir-rata mistennija tinżel aktar minn hekk u tilħaq it-3.3% tal-PDG.

Għas-sena d-dieħla, minkejja li se nħabbar miżuri fiskali, għajnuniet soċjali u inċentivi ekonomiċi li jaqbżu l-€200 miljun, din ir-rata mistennija tkompli nieżla għal 2.8% tal-PDG biex b’hekk is-sena d-dieħla nkunu nżilna taħt it-3.0% hekk kif rikjest mill-Unjoni Ewropea.”

18.35: Il-Ministru Clyde Caruana jibda jaqra l-Budget 2026

17.41: Il-Ministru Caruana jidħol fil-bini tal-Parlament fejn madwar 45 minuta oħra jibda jaqra l-Budget

17.31: Hekk kif ħareġ mill-Palazz tal-Presidenti, il-Ministru tal-Finanzi f’kummenti mal-midja qal li dan hu Budget sabiħ ħafna li l-familji Maltin u Għawdxin ilhom ħafna ma jaraw bħalu jew aħjar qatt ma raw bħalu. 

“Dan biex il-Gvern jibgħat messaġġ ċar u b’saħħtu għax bis-serjetà li jrid jgħin lill-familji u fl-istess ħin lin-negozji tal-pajjiż,” qal il-Ministru Caruana.

Mistoqsi liema miżura li l-aktar qiegħda għal qalbu l-Minsitru Caruana qal li dik li se ngħinu lill-ġenituri bit-tfal għax “vermaneti hija miżura kbira”.

Kompla jgħid li hu jemmen li huma ftit in-nies li qatt ħasbu li Gvern Laburista se jippreżenta Budget bħal dak li se jippreżenta.

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana bħalissa qiegħed għand il-President ta’ Malta fejn iffirmat id-dokumenti tal-Budget.

Aktar kmieni: Illejla jiġi ppreżentat il-Budget 2026

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana llejla se jippreżenta l-Budget 2026.

Il-Budget jinkludi ħarsa lejn l-andament ekonomiku attwali u dik mistennija s-sena d-dieħla u l-miżuri ekonomiċi li se jieħu l-Gvern fl-istess sena.

Qabel jitressaq fil-Parlament jiġi ppreżentat lill-President ta’ Malta biex tiffirmah.

Il-Qari tal-Budget mistenni li jibda għall-ħatba tas-6.30pm fejn dan is-sit se jkun qiegħed jaġġorna b’mod kontinwu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport