L-ewwel li beda x-xhieda tiegħu kien l-Ispettur Kurt Colombo Zahra fejn spjega ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest tal-imputat.
“It-Tlieta li għadda konna infurmati li ġewwa l-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat, kienu ġew sparati xi tiri fid-direzzjoni ta’ żewġ persuni, bil-konsegwenza li dawn tilfu ħajjithom. Mort fuq il-post kont sibt pulizija tad-distrett kif ukoll membri tal-RIU u ż-żona ta’ fejn seħħ id-delitt kienet biex ġiet preservata.
“Inżilt f’għalqa indikata u sibt żewġ persuni li kienu jidhru bla ħajja… l-ewwel persuna kien ġo vann fis-seat tax-xufier… kien hemm toqba ġo rasu tidher tir ta’ arma. Maġenb vettura oħra kien hemm ġisem ta’ persuna li kellu diversi tiri.. kien hemm kelb ma ħallinex nersqu lejn din il-persuna…
“Bdejna nagħmlu inquiries sibna dokumenti personali mqattgħin ta’ ċertu Carmelo Ciantar … ġew diversi persuni fuq il-post u rriżulta li kien hemm membri familjari, b’persuna minnhom tgħidilhom li kienet irċeviet telefonata minn Carmelo Ciantar fejn kien qal magħha li kien għadu kemm qatel lil missierha.
“Membru ieħor tal-familja qalilhom li Carmelo kien ħareġ mid-dar tan-nanna ta’ dawn il-membri tal-familja kmieni filgħodu bis-senter u għaldaqstant il-Pulizija kellhom suspett qawwi li Carmelo allegatament kien involut f’dan ir-reat. Ġibna mobile number ta’ Carmelo, għamilt kuntatt miegħu u meta staqsejtu fejn kienet qiegħed għax kelli bżonn inkellmu qalli li l-ħabs ma kienx sejjer u ma konniex se nsibuh ħaj… telefonata damet xi 7-9 minuti.. għamilna patrols diversi fosthom fil-Mellieħa u n-Naxxar… erġajt ċemplitlu u kellimtu biex nipprova nikkonvinċih jgħidli fejn qiegħed u qalli ‘se twaqqagħno imma se ġġegħelni nbati’ … Qalli qiegħed fil-parking area tal-Pama, kien għadu kif jiekol, ġejna wiċċ imb wiċċ kif konna fuq il-linja ma’ xulxin u ġie arrestat.
L-Ispettur Zahra kompla jispjega li dak il-ħin stqarr kollox fuq li allegament għamel.. allegatament qallu “lili fottejtni għax kieku taħt l-irħama kontu ssibuni.” Fil-vettura tiegħu nstab shotgun bi tliet skrataċ fih. Saru wkoll diversi investigazzjonijet.
L-Ispettur Zahra qal ukoll li l-imputat kemm-il darba qallu li jippreferi jneħħi ħajtu milli jagħmel dan il-proċess.
Id-Difiża f’dan l-istadju ma għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li talbet li l-imputat waqt li jkun taħt kustodja jinżamm fis-Sezzjoni Forensika tal-Isptar Monte Carmeli u dan minħabba l-qagħda psikoloġika tiegħu fejn għamlet referenza wkoll għal dak sottomess mil-Ispettur Zahra fir-rigward tar-raġunijiet li waslu għall-arrest u ċ-ċirkostanzi li seħħew waqt l-arrest u wara.
Il-Qorti filwaqt li qalet li ma tistax tiddeċiedi fejn jinżamm taħt kustodja l-imputat, irrakkomandat lill-Kap Eżekuttiv tal-Faċilità Korretiva ta’ Kordin sabiex jikkunsidra t-talba tad-Difiża.
Qabel: L-imputat deher kommoss meta beda jiġi mistoqsi xi mistoqsijiet. L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Qabel: Carmelo Ciantar jiddaħħal f’awla numru 10. Dan is-sit jista’ jikkonferma li waqt l-interogazzjoni, Ciantar ġie pożittiv għal COVID u għalhekk qiegħed fil-bini tal-qorti bil-maskla.
Carmelo Ciantar ta’ 72 sena residenti Ħaż-Żebbuġ tressaq il-Qorti mixli bil-qtil ta’ Dennis Mifsud ta’ 51 sena mis-Siġġiewi u Anthony Agius ta’ 57 sena mir-Rabat. Il-każ seħħ it-Tlieta filgħaxija fl-inħawi tal-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat.
Ciantar tressaq quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello mixli wkoll li volontarjament ta n-nar lil bini, li kellu arma tan-nar fil-pussess tiegħu u li żamm din l-arma mingħajr ma kellu liċenzja jew permess maħruġ lilu mill-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Kurt Zahra, Wayne Camilleri u Cheyenne Mangion flimkien mal-Avukat Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Francesca Zarb qed tidher għall-imputat filwaqt li l-Avukat Nicholas Mifsud qed jidher parte civile
Fil-Qorti hemm ukoll qraba tal-akkużat u anke tal-vittmi.
Qabel: Taħt sigurtà stretta jasal fil-bini tal-Qorti Carmelo Ciantar.
Fl-awla għandhom kemm daħlu l-Ispetturi li se jkunu qegħdin imexxu l-Prosekuzzjoni.
Qabel: Quddiem il-Maġistrat il-Maġistrat Rachel Montebello, dalwaqt se jkun qiegħed jitressaq il-Qorti Carmelo Ciantar fejn se jiġi akkużat bil-qtil doppju

Ciantar, ta’ 72 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, se jiġi mixli bil-qtil ta’ Dennis Mifsud ta’ 51 sena residenti s-Siġġiewi u Anthony Agius ta’ 57 sena residenti r-Rabat. Wieħed mill-vittmi hu t-tifel tas-sieħba tal-allegat aggressur. L-ieħor, hu r-raġel tat-tifla tas-sieħba tal-allegat aggressur.