Wednesday, February 26, 2025

Dirett: L-ERBA’ PERSUNI MRESSQA L-QORTI LLEJLA JWIEĠBU MHUX ĦATJA

Aqra wkoll

Tlieta arrestati b’rabta mas-serqa tad-droga minn kontejner għall-Qorti dalwaqt

Bi preżenza qawwija tal-Pulizija, ġurnalisti u anke xi familjari tal-akkużati, quddiem il-bini tal-Qorti hemm stennija biex ftit minuti oħra jaslu l-ewwel 3 akkużati li se jkunu akkużati fost l-oħrajn bis-serqa tad-droga minn kontejner li kien jinsab għand il-Forzi Armati ta’ Malta.

Huma se jkunu qegħdin jitressqu quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.

Ilbieraħ il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà f’konferenza tal-aħbarijiet qal li s’issa ġew arrestati 8 persuni, kollha Maltin, bl-arresti saru f’Ħaż-Żebbuġ, il-Marsa, Ħal Qormi u Tal-Pietà.

20.00: Fil-bini tal-Qorti għadhom kemm idaħħlu l-akkużati.

20.04: L-akkużati huma Sean Attard ta’ 30 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, Carlos Pace ta’ 19-il sena residenti l-Marsa, Yousef Essesi ta’ 33 sena residenti San Pawl il-Baħar u Cleaven Pace ta’ 19-il sena residenti l-Marsa.

Sean Attard għandu jassistuh l-Avukati Franco Debono u Matthew Xuereb, filwaqt li Carlos Pace hu assistit mill-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit.

Yousef Essesi hu assistit mill-Avukat Amadeus Cachia u Cleaven Pace għandu lill-Avukati Dr Franco Debono, Marion Camilleri u Adreana Zammit jidhru għalih.

20:15: Quddiem il-Maġistrat hekk kif bdiet il-preżentata, il-prosekuzzjoni qalet li wara s-serqa li saret il-Ħadd li għadda, bdiet investigazzjoni intensiva fejn il-pulizija fost l-oħrajn ġabret kwantità kbira ta’ filmati u permezz ta’ dawn segwiet diversi rotot li ħadu s-suspettati li wettqtu s-serqa.

Minn din l-investigazzjoni waslu biex ġew iddentifikati diversi suspettati fosthom l-erba’ akkużati li tressqu llejla.

Il-Prosekuzzjoni qalet li nħarġu mandati fil-konfront tagħhom u nhar it-Tlieta fis-1.00am ġie arrestat Sean Attard filwaqt li fit-7.45am ġew arrestat Carlos Pace.

Fl-9.40am ġie arrestat Yousef Essesi filwaqt li aktar tard filgħaxija ġie arrestat Cleaven Pace.

Il-pussess ta’ Sean Attard instabet karozza Mercedes u fihom kien hemm 35 kilo ta’ droga suspettat li hija dik li nsterqet.

Il-Prosekuzzjoni spejgat ukoll li fil-pussess ta’ Carlos Pace instabu 33 kilo droga filwaqt li fil-pussess ta’ Essesi kien hemm 10 kilo droga.

Il-Prosekuzzjoni qalet li fil-ħin tas-serqa, skont l-istqarrija li għamel Cleaven Pace mal-Pulizija hu ammetta li kien fuq il-post fil-karozza flimkien mat-tfajla tiegħu, flimkien ma’ karozza oħra ta’ lewn sewda.

Hu qal lill-pulizija li x’ħin tlestiet is-serqa dawn saqu minn fuq il-post u marru lejn Ħaż-Żebbuġ fejn hemm allegatament ħbew id-droga.

Hu kien ilu jiġi mfittex mill-Pulizija minn filgħodu, u kien missieru stess li ħadu l-għassa għall-ħabta tal-5.00pm tal-bieraħ.

Quddiem il-Maġistrat, il-Prosekuzzjoni qalet li kollha kemm huma ġew interrogati… B’kollox hemm 12-il persuna arrestati u minnhom se jkunu qegħdin jitressqu l-qorti għada.

Huma ġew akkużti wkoll li d-droga li nstabet ma kinetx għall-użu esklussiv tagħhom u li huma riċedivi.

20:26: Il-prosekuzzjoni qalet li fost dawk li hemm arrestati, hemm burdnara li ħadu l-kontejner fil-post fejn kien qiegħed jinżamm mill-Forzi Armati ta’ Malta

20.29: L-erba’ imputati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

20.41: L-Avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Marion Camilleri għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Cleaven Pace, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.

Il-Prosekuzzjoni qalet li l-każ għadu prematur fejn kemm l-evidenza kif ukoll l-intelliġenza li qed tidħol għand il-pulizija għaddejja b’ritmu tajjeb. Qalet li s’issa saru total ta’ 12-il arrest, uħud minnhom saru ftit tas-sigħat ilu. hemm persuni li għadhom qed jiġu interrogati u t-tfittxijiet għadhom għaddejjin bil-għan li tinstab aktar droga.

Barra minn hekk, f’dan il-każ hemm diversi xhieda pajżana li qed jiġu mitkellma u li għad iridu jixhdu fil-konfront tal-imputati.

“Dawn il-persuni li għandha l-Qorti quddiemha qed jiġi akkużati li allegatament iddeċidew li jidħlu jew pjanaw li jisirqu minn post fejn kienet qed tinżamm xi ħaġa taħt il-kustodja tal-Forzi Armati ta’ Malta,” tenniet il-Prosekuzzjoni.

Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet u qieset in-natura tal-akkużi miġjuba fil-konfront tal-imputat kif ukoll iċ-ċirkostanzi tal-allegat retroxxena ta’ dan il-każ, tqis li f’dan l-istadju l-imputat m’għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest u għaldaqstant ċaħdet it-talba.

Fil-konfront tal-akkużati l-oħra ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk baqgħu jinżammu taħt arrest fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ ffriżar fil-konfront tal-imputati.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport