Saturday, December 21, 2024

AĠĠORNAT: 18-il persuna mmultati wara li nqabdu f’festin f’Baħar iċ-Ċagħaq; Numru minnhom arrestati fuq droga

Aqra wkoll

Tmintax-il persuna nqabdu jattendu festin f’post pubbliku fl-inħawi tal-White Rocks, f’Baħar iċ-Ċagħaq, bi ksur ta’ Avviżi Legali li ġew ippubblikati riċentament. Ħames persuni minnhom qed jinżammu għal aktar investigazzjonijiet hekk kif fil-pussess tagħhom, allegatament instabet id-droga. 

Kienu għall-ħabta tat-3.30 a.m., xħin il-Pulizija waslitilha informazzjoni li kienu ġew innutati diversi vetturi pparkkjati fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq u li x’aktarx kien qed isir xi festin.

Fuq din l-informazzjoni, uffiċċjali mill-Għassa ta’ San Ġiljan marru mill-ewwel fuq il-post u nnutaw mużika tinstema’ minn ġo xi kmamar li hemm fuq il-post. Il-Pulizija daħlu u ġewwa sabu 18-il persuna – l-organiżżatur tal-festin, DJ u 16-il persuna oħra li qegħdin jattendu dan il-festin.  

Il-Pulizija tad-Distrett għamlu tfixxijiet fuq il-persuni u fil-kmamar fejn kienu. Hemmhekk instab basket li kien fih borża b’pilloli suspettata droga ecstasy, kif ukoll miżien u xafra moħbija fuq raġel ta’ 25 sena, u droga, suspettata cannabis fuq mara ta’ 36 sena.  

Il-Pulizija tad-Distrett kellha suspett li hemm iżjed droga moħbija u għalhekk issejħu fuq il-post membri tas-Sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija fejn minn tfittxjiet li saru, instabet iżjed droga suspettata ħaxixa tal-cannabis, raża tal-cannabis u bott bi traċċi ta’ droga suspettata kokaiana. 

Il-persuni kollha ttieħdu fl-Għassa ta’ San Ġiljan għal aktar investigazzjonijiet fejn saru aktar tfittxijiet fuq il-persuni arrestati. Waqt dawn it-tfittxijiet, fuq tliet irġiel ta’ 26, 28 u 31 sena rispettivament, irriżultaw fis-sejba ta’ aktar droga suspettata cannabis. 

Il-persuni li nstabet id-droga fuqhom qed jinżammu taħt arrest, filwaqt li l-persuni l-oħra ġew infurmati li ser ikunu qed jiġu mħarrka b’rabta ma’ ksur ta’ avviżi legali. 

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Audrey Demicoli LL.D, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

Ekonomija

Sport