Ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kienu involuti f’ħidma delikata biex ħarġu sewwieq minn trakk li għall-ħabta tal-10:45 a.m kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Ħal Far, f’Ħal Far.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li kienet seħħet ħabta frontali bejn trakk u trailer; it-trailer kien misjuq minn raġel ta’ 60 sena residenti Ħal Kirkop filwaqt li s-sewwieq tat-trakk tal-għamla Bedford huwa raġel ta’ 66 sena residenti Ħaż-Żabbar. Mad-daqqa, it-trakk spiċċa tkaxkar għal xi metri sakemm spiċċa f’għalqa fil-ġenb tat-triq.
Fuq il-post issejħu minnufih uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li taw l-ewwel assistenza lis-sewwieq tat-trakk li spiċċa maqbud fih.
Issejħu wkoll tim mediku u ambulanzi li ħadu liż-żewġ sewwieqa lejn l-Isptar Mater Dei għal iktar attenzjoni medika. Aktar tard is-sewwieq tat-trakk ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji filwaqt li s-sewwieq tat-trailer jidher li ma ġarrab l-ebda ġrieħi.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Joseph Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.