Aġġornat: Il-mara li kienet involuta fl-inċident ta’ dalgħodu kienet anzjana ta’ 65 sena minn Għajnsielem, Għawdex. Il-mara kienet qiegħda ssuq Toyota Passo u għal xi raġuni tilfet il-kontroll tagħha.
L-anzjana ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi serji. Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Gabriella Vella, filwaqt li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet.
Aktar kmieni: Dalgħodu għall-ħabta tas-7.05 a.m. seħħ inċident gravi fi Triq Burmarrad fejn mara li kienet qiegħda ssuq vettura għal xi raġuni baqgħet dieħla f’siġra.
Jidher li minħabba l-impatt qawwi tal-ħabta, il-mara spiċċat maqbuda fil-karozza u għalhekk kellhom jissejħu l-membri mit-Taqsima tal-Protezzjoni Ċivili biex iqattgħu l-karozza u joħorġu lill-mara.
inewsmalta jinsab informat li kien emergency ambulance responder li kien għadu kemm spiċċa mix-xift ta’ bil-lejl li ra lil din il-mara u waqaf jagħtiha l-ewwel għajnuna.
Minn hemm imbagħad marret fuq il-post ambulanza b’żewġ Emergency Ambulance responders, żewġ infermiera u anke żewġ tobba. Dawn assistew lit-Taqsima tal-Protezzjoni Ċivili biex il-mara tinħareġ mill-vettura.
Il-mara qiegħda ssofri minn ġrieħi serji.