Saturday, December 21, 2024

AĠĠORNAT: Arrestati 4 persuni suspettati bl-involviment tagħhom fl-omiċidju ta’ Mario Farrugia

Aqra wkoll

Operazzjoni konġunta, mifruxa fi tliet lokalitajiet immexxija mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminal, flimkien mad-Distrett ta’ San Ġiljan u uffiċjali tal-Laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Pulizija, waslet għall-arrest ta’ erba’ persuni, Maltin u barranin, suspettati bl-involviment tagħhom fl-omiċidju ta’ Mario Farrugia.

Kienu wara s-sitta tal-bieraħ filgħaxija xħin il-Pulizija ċċirkondaw tliet postijiet differenti f’Ħ’Attard, fl-Imsida u fil-Mosta. F’residenza f’Ħ’Attard ġie arrestat raġel; żewġ persuni oħra, raġel u mara ġew arrestati f’residenza fl-Imsida, u mara oħra ġiet arrestata f’residenza fil-Mosta.

Mill-postijiet fejn saru l-arrestati, ġew elevati diversi affarijiet li jistgħu jkomplu jgħinu f’dan il-każ.

L-erba’ persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Floriana, fejn matul il-ġurnata tal-lum se jkunu qegħdin jiġu interrogati b’rabta mal-omiċidju ta’ Mario Farrugia.

Mario Farrugia ta’ 62 sena, residenti Pembroke instab maqtul fil-bagoll tal-vettura tiegħu b’diversi daqqiet ta’ sikkina fil-parti ta’ quddiem ta’ sidru. Huwa nstab mejjet fil-5 ta’ April illi għadda fil-Wied ta’ Ħal Qormi.

Farrugia kien rrapportat nieqes fit-28 ta’ Marzu, 2022, fl-akwati tar-residenza tiegħu u kien qiegħed jagħmel użu minn vettura Peugeot 407 ta’ lewn griż.

L-investigazzjonijiet dwar dan l-omiċidju, kif ukoll l-Inkjesta Maġisterjali għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport