Saturday, September 14, 2024

AĠĠORNAT: Arrestati ftit ħin wara li wettqu serqa fuq bejjiegħ tal-ħaxix

Aqra wkoll

Raġel ta’ 34 sena residenti ż-Żurrieq u ieħor ta’ 46 sena residenti Santa Venera ġew arrestati ftit ħin wara li wettqu serqa.

Illum, għall-ħabta tas-2.00p.m., il-Pulizija ġiet infurmata li żewġt irġiel armati b’sikkina, wettqu serqa fuq bejjiegħ tal-ħaxix fi Triq l-Ewwel Titjira 1915, f’Ħal Kirkop.

Il-Pulizija tad-Distrett, tar-Rapid Intervention Unit u dawk mid-Dipartiment tar-Reati Maġġuri bdew minnufih bl-investigazzjonijiet u tfittxijiet għall-persuni involuti li ħarbu minn fuq il-post permezz ta’ vettura u ammont ta’ flus kontanti.

Madwar nofsiegħa wara, l-istess vettura li allegatament intużat waqt is-serqa, intlemħet minn uffiċjali tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri tinstaq fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi. Minnufih l-uffiċjali saqu wara l-karozza tal-għamla Peugeot 108, waqfuha u arrestaw raġel ta’ 34 residenti ż-Żurrieq u ieħor ta’ 46 sena, residenti Santa Venera. Waqt l-arrest il-Pulizija elevat ukoll madwar 7 qratas droga suspettata eroina.

Iż-żewġt irġiel huma suspettati li fl-aħħar jiem wettqu ukoll sensiela ta’ serqiet fl-akwati ta’ Ħal Qormi u l-Ħamrun.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport