“Politiku eżemplari u strumentali”… Illum il-Qormin jagħtu l-aħħar tislima lis-Sindku Renald Falzon
Ritratti U Filmat – ROGER AZZOPARDI
Aġġornat:
Il-funeral ta’ Renald Falzon se jkun qed jibda għall-ħabta tad-9:30 a.m fil-Knisja Kolleġġjata, Arċimatriċi u Arċipretali ta’ San Ġorġ Martri.
Aktar qabel:
Ħal Qormi, tinsab f’luttu. Ilbieraħ waranofsinhar Citta Pinta sfat orfni, hekk kif ġriet l-aħbar li s-Sindku maħbub Renald Falzon kien ħalla din id-dinja. Inewsmalta.com tkellem ma’ Mario Fava, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali dwar xi tfisser għalih din it-telfa. Fava stqarr magħna li t-telfa ta’ Renald hija waħda iebsa kemm fuq livell politiku kif ukoll fuq livell personali.
“Renald kien politiku eżemplari u strumentali,” beda biex qalilna Fava. Kompla jgħid li s-Sindku Qormi kien dejjem strumentali meta l-Partit Laburista kien jorganizza xi maratona ġbir ta’ fondi.
Kienu bosta kunsillieri, Membri Parlamentari, Segretarju Parlamentari, Ministri kif ukoll il-Prim Ministru nnifsu li wrew is-sogħba għat-telfa ta’ Renald li kif kien iħobb jgħid hu kien wieħed minnhom.
Il-Qormin se jkunu qed jagħtu l-aħħar tislima lil Renald illum filgħodu. Renald se jibqa’ mfakkar għall-għajnuna ma taqta’ xejn li kien jagħti fil-komunità Qormija. Huwa kien ġie elett bħala kunsillier fl-2015 biex imbagħad fl-2019 inħatar bħala s-Sindku ta’ Ħal Qormi.