L-Imħallef Aaron Bugeja ftit tal-ħin ilu kkundanna lil Davide Bonanno 18-il sena ħabs u multa ta’ ’ €38,000 wara li nstab ħati ta’ pussess aggravat tad-droga u assoċjazzjoni fil-każ ta’ 25 kilogramma ta’ kannabis.
Il-ġurati damu għaddejjin bid-deliberazzjoni 8 sigħat sħaħ fejn sabu lill-Isqalli ħati b’6 voti kontra 3 filwaqt li ma sabuħx ħati ta’ importazzjoni.
05.58: Sqalli ħati b’pussess aggravat ta’ 25 kilo kannabis… iżda mhux tal-importazzjoni
Davide Bonanno, instab ħati b’sitt voti favur u tlieta kontra, b’pussess aggravat tad-droga u assoċjazzjoni fil-każ ta’ 25 kilogramma ta’ kannabis.
Waqt il-ġuri, l-istess ġurati ma sabux lil Bonanno ħati tal-importazzjoni tad-droga.
Hekk kif inqara l-verdett quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja, l-avukat Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sostna li l-ħati għandu jingħata sentenza ta’ 20 sena ħabs jew aktar.
Min-naħa tiegħu l-Avukat Simon Micallef Stafrace li qed jiddefendi lil Bonanno qal li l-akkużat ma nstabx ħati għall-akkuża tal-importazzjoni tad-droga u għalhekk ma kienx qiegħed jaqbel mal-piena mitluba mill-Avukat Ġenerali.
Davide Bonanno, l-Isqalli kien mixli b’importazzjoni ta’ 25 kilo kannabis fl-2018.
Dan l-artiklu qed ikun aġġornat…