Il-President tar-Repubblika George Vella mhuwiex se jkun qed ineħħi lil Adrian Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni.
Dan kien ikkonfermat fi stqarrija maħruġa mill-Ufiċċju tal-President illum waranofsinhar.
Fl-istess waqt il-President ikkonferma li wara li kien iltaqa’ mal-Grupp Parlamentari kollu tal-Oppożizzjoni, huwa kien stabbilixxa li Delia ma kienx għadu jgawdi l-maġġoranza tal-appoġġ. Madankollu żied jgħid li Delia ma setax jitneħħa mill-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni minħabba li tali kariga għandha tinżamm mill-kap tal-partit bl-akbar oppożizzjoni numerika lill-Gvern.
Il-President żied jgħid li mil-laqgħat li kellu mal-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni, 16 minnhom iddikkjaraw li m’għandhomx fiduċja f’Delia bħala kap tal-Oppożizzjoni. Fl-istess waqt kien hemm 11 li saħqu li kellhom fiduċja fih, filwaqt li Membru Parlamentari ieħor astjena.
Il-President tar-Repubblika tenna li f’każ li Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni, tqum b’mod immedjat il-mistoqsija ta’ min se jkun qed jimla’ l-kariga li tkun tħalliet vaganti. Vella qal li min-naħa l-oħra l-kostituzzjoni tindika li għandu jkun hemm Kap tal-Oppożizzjoni f’kull waqt u għaldaqstant din il-kariga kostituzzjonali ma tistax titħalla vaganti, għall-inqas għal perjodu twil.
Fl-istess waqt il-President saħaq li l-kostituzzjoni tindika b’mod ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun il-kap ta’ partit politiku li jkollu l-akbar oppożizzjoni numerika għall-Gvern.
“Id-dilemma qiegħda bejn li wieħed jimxi mal-kelma tal-Kostituzzjoni u joħloq sitwazzjoni li tmur kontra l-Kostituzzjoni, jew li jikkunsidra s-sitwazzjoni preżenti bħala waħda speċjali u jadotta miżuri speċjali,” saħaq il-President.
Tenna li għaldaqstant fil-ġudizzju tiegħu minkejja li Delia tilef l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta’ Membri Parlamentari f’Oppożizzjoni għall-gvern, biex ir-rwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ma jibqax vakanti, Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni għax għadu jgawdi l-pożizzjoni ta’ Kap ta’ dan l-akbar partit fl-oppożizzjoni.
Fl-istess waqt tenna li din id-deċiżjoni ma toħnoqx li titkompla diskussjoni sana dwar x’miżuri jistgħu jittieħdu biex din is-sitwazzjoni tikkoreġi ruħha.
Il-President Vella temm jgħid li n-neċessità li jkompli jkun hemm kontinwità fit-tħaddim tas-sistema parlamentari tagħna, tiġġustifika l-bżonn li wieħed jiddipartixxi mill-kelma miktuba tal-Kostituzzjoni.
“Jiena konxju u nħoss l-obbligu u r-responsabbiltà li nħares l-istabbiltà u l-kontinwità fil-pajjiż,” saħaq Vella.
Intant fi stqarrija konġunta l-maġġoranza tal-membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li saħqu li m’għandhomx fiduċja fil-Kap Nazzjonalista Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, saħqu li l-President George Vella kellu d-dover li jneħħi lil Delia minn Kap tal-Oppożizzjoni u jaħtar lil There Comidini Cachia, li min-naħa tagħha tgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza assoluta tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti.
L-istqarrija tgħid li għat-tieni darba f’ġimgħa ġie kkonfermat li Delia m’għadux igawdi mill-appoġġ tal-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, u aktar minn hekk ġie stabbilit li għat-tieni darba l-maġġoranza tad-deputati Nazzjonalisti jridu lil Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Id-deputati tennew jisħqu li d-deċiżjoni tal-President tmur kontra dak mitlub mill-Kostituzzjoni.
L-istqarrija tkompli tgħid li għaldaqstant il-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista se jibqgħu jħeġġu lill-PN biex ikun immexxi minn persuna ta’ integrità, serja, onesta u kredibbli li tpoġġi l-interess nazzjonali u tal-Partit qabel l-interessi personali tiegħu.
Sadanittant f’konferenza tal-aħbarijiet Adrian Delia tenna li d-deċiżjoni tal-President tar-Repubblika timlieh b’sens ta’ umiltà, xi ħaġa li kien ilu jħoss għal dawn l-aħħar jiem mindunumru ta’ deputati Nazzjonalisti marru għand il-Presdietn u talbuh biex ineħħih minn Kap tal-Oppożizzjoni.
“Bqajt sieket mhux għax ma kellhiex xi ngħid iżda minħabba li r-rwol tiegħi bħala Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista titlob minni kawtela u rispett għad-deċiżjonijiet kollha li l-President ikollu jieħu skont dak li tistipula l-Kostituzzjoni,” żied jgħid Delia.
Fl-istess waqt huwa żied jgħid li se jibqa’ jiddedika l-enerġija kollha tiegħu biex jagħti servizz lil Malta u lil Għawdex, u lill-membri tal-Partit Nazzjonalista li eleġġewh bħala Kap tal-PN fi proċess demokratiku.
Fir-rigward tal-ġlied intern li qed jikkaratterizza lill-Partit Nazzjonalista, Delia żied jgħid li f’din is-sitwazzjoni m’hemm l-ebda rebbieħ, u issa jeħtieġ li l-firda li teżisti fil-Partit titranġa darba għal dejjem.
Huwa temm jisħaq li mhuwiex se jkun qed iċedi u mhux se jabdika mir-responsabbiltajiet tiegħu.