Thursday, December 26, 2024

AĠĠORNAT: Delia jisħaq se jlaqqa’ lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u Nazzjonalista Adrian Delia ddeskriva rapporti fil-midja dwar messaġġi bejnu u Yorgen Fenech bħala tentattiv mill-Partit Laburista ta’ rikatt u theddid biex ibeżżgħuh jew jagħlqulu ħalqu.

Delia qal dan f’intervista aktar kmieni dalgħodu fuq il-midja Nazzjonalista.

Fl-istess waqt huwa qal li t-tentattivi fil-konfront tiegħu mill-Partit Laburista mhux se jkunu ta’ suċċess. Saħansitra huwa qal li r-rapporti fil-midja huma frott l-azzjonijiet tiegħu dwar l-kuntratt tal-isptarijiet u r-rapport Egrant fost oħrajn.

It-Times of Malta llum irrapportat li Delia u Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kienu bagħtu messaġġi lil xulxin permezz ta’ WhatsApp matul l-ewwel nofs tas-sena li għaddiet. Sa dak iż-żmien kien diġà magħruf li Fenech kien is-sid tal-kumpanija 17 Black.

Intant fl-intervista ta’ dalgħodu Delia ripetutament ċaħad li kellu konnessjonijiet ma’ Fenech madankollu naqas milli jirreferi speifikament għall-messaġġi ta’ WhatsApp.

Intant b’reazzjoni għall-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu, Delia qal li matul din il-ġimgħa se jkun qed ilaqqa’ lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista bil-għan li toħroġ il-verità.

Fi stqarrija li ħareġ Delia tefa’ dubji dwar l-artiklu tat-Times u staqsa kif jekk il-kumpanija għandha aċċess għall-mowbajl ta’ Fenech kif ma ppubblikatx eluf ta’ messaġġi li għandu jkun hemm bejn l-istess Fenech u persuni oħrajn implikati f’każi ta’ korruzzjoni u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa staqsa wkoll x’wassal biex dawn il-messaġġi jiġu ppubblikati biss issa.

Qal li l-‘mock up’ ta’ messaġġi ta’ WhatsApp bejnu u Fenech turi lil dan tal-aħħar jagħtih l-appoġġ tiegħu, xi ħaġa li saħaq li bħala l-mexxej ta-tieni l-akbar partit politiku f’Malta jirċievi bl-eluf fil-ġimgħa jitolbuh għal laqgħaq u jagħtuh ideat.

“Dan ma jagħmilnix ħabib tagħhom,” saħaq Delia, hekk kif saħaq li lanqas ma dawn ifissru li huwa jkun jaff lill-persuni.

Ekonomija

Sport