Sunday, December 22, 2024

AĠĠORNAT: Enemalta treġġa’ lura l-provista f’qasir żmien wara ħsarat fl-Interconnector 

Aqra wkoll

Enemalta plc reġġgħet lura s-servizz tal-elettriku lill-klijenti tagħha fl-iqsar żmien possibli wara li diversi nħawi tal-pajjiż inqatgħetilhom il-provvista wara ħsarat fit-terminal tal- Interconnector bejn Malta u l-Italja f’Ragusa. 

Il-qtugħ seħħ f’11:40 a.m. Il-qtugħ m’affettwax lill-klijenti kollha peress li t-tekniċi tal-Kumpanija rnexxielhom iżommu l-provvista mis-sorsi ta’ ġenerazzjoni lokali, fosthom dawk tal-Power Station ta’ Delimara għaddejjin, minkejja l-effett tal-ħsara f’Ragusa. 

Timijiet t’inġiniera u tekniċi fiċ-Ċentru tal-Kontroll tan-Netwerk ta’ Enemalta fil-Marsa, fil- Power Station ta’ Delimara u f’installazzjonijiet oħrajn tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku mill-ewwel bdew jaħdmu biex ireġġgħu lura l-provvista lill-klijenti milquta’. Mill-ewwel bdiet ukoll ħidma biex l-Interconnector jinxtegħel mill-ġdid. 

Sa nofs siegħa wara dan il-qtugħ, il-provvista tal-elettriku bdiet titreġġa’ lura lill-klijenti, tant li sas-siegħa ta’ wara nofsinħar madwar 75% tal-klijenti kienu ngħataw lura s-servizz. Il-provvista ngħatat lura lill-klijenti l-oħra ftit ħin wara. 

Enemalta rringrazzjat lill-ħaddiema tagħha li mill-ewwel wieġbu għal din l-emerġenza, sabiex jiżguraw li l-klijenti jingħataw il-provvista mill-aktar fis. Tirringrazzja wkoll lill-klijenti kollha tagħha għall-koperazzjoni tagħhom, filwaqt li jiddispjaċiha għal kull inkonvenjent minħabba dawn il-ħsarat. 

Il-kumpanija qed taħdem mal-inġiniera tal-kumpaniji imsieħba tagħha fi Sqallija sabiex tistħarreġ il-kawża tal-ħsarat u tieħu kwalunkwe prekawzjonijiet meħtieġa sabiex tkompli tnaqqas dawn it-tip ta’ riskji. 

Ekonomija

Sport