Friday, April 19, 2024

AĠĠORNAT: Eżorċista jgħid li ma nnota xejn sopranaturali fid-dar

Ikompli l-ġuri taż-żagħżugħ li jgħid li kien “jobdi struzzjonijiet tad-dimonju”

Aqra wkoll

AĠĠORNAT 16.42 – Sadanittant, fis-seduta tal-lum xehed ukoll eżorċista li qal li huwa kien bierek id-dar f’Marsaskala fejn allegatament seħħew l-abbużi fl-ewwel żjara tiegħu fiha. Fost affarijiet oħra kienu qalulu li kien hemm grandfather clock li mexa waħdu u mblokka l-kuritur.

Qal li meta kien ħiereġ ‘il barra mid-dar, sema’ arloġġ jaqa’ minn mal-ħajt iżda ma setax ikun ċert jekk kienx waqa’ għal raġunijiet mhux sopranaturali. Huwa kompla jgħid li d-dar kienet “ta’ taħt fuq”, bi ħġieġ imkisser u oġġetti oħra mitluqin mal-art.

Qal li waqt iż-żjarat tiegħu ma ħass l-ebda preżenza spiritwali partikolari. Qal li fit-tieni żjara tiegħu kien mar iqaddes f’din id-dar. Ma setax jiftakar jekk l-akkużat kienx preżenti, kif ukoll raġel ieħor deskritt bħala “l-ħabib tal-omm.” “Naf li dan il-ħabib kien l-Isptar Monte Carmeli mal-omm.

Qaluli li kien qed jipprova jgħin lill-familja,” qal ix-xhud. Mistoqsi jekk seħħx xi ħaġa waqt il-quddiesa, huwa wieġeb, “ma nnutajt xejn.” Qal li sabiex ikun ċert li ma kienx hemm preżenza demonika fid-dar u biex iserraħ ras il-familja li kien hemm tgħix fiha, huwa kien mar flimkien ma’ qassis ieħor biex iwettaq ir-ritwali solenni tal-eżorċiżmu.

“Ma nnutajna xejn,” żied jgħid l-eżorċista. “il-ġenituri, l-akkużat u t-tfajla tiegħu kienu preżenti.” Ix-xhud qal ukoll li kien kellem lill-omm u lill-missier individwalment, filwaqt li t-tfal kienu kkuntattjawh bit-telefon. “L-akkużat kien ikellimni, kif ukoll it-tifla ż-żgħira u l-omm. Kienu kollha mbeżżgħin.

Imwerwrin minn dawn il-vuċijiet li kienu qed jisimgħu.” Mistoqsi mill-prosekuzzjoni jekk kienx hemm vuċijiet jew le, il-qassis insista li qatt ma sema’ xejn iżda l-familja qaltlu li kien hemm ilħna.

AĠĠORNAT: Tgħid li l-akkużat kien idur magħha u jsinn is-skieken

Iż-żagħżugħ li jinsab akkużat li stupra lil omm l-eks sieħba tiegħu allegatament qal lil oħtha l-kbira li hija ma kellhiex “ħajja twila” waqt li beda miexi madwarha u jsinn is-skieken.

Dan irriżulta fil-Qorti lbieraħ meta kompla jinstema’ l-ġuri taż-żagħżugħ ta’ 22 sena li jinsab akkużat bi stupru u li ġiegħel lil omm u t-tifla tagħha biex jagħmlu atti ta’ natura sesswali kontra l-volontà tagħhom.

Iktar kmieni llum, il-Qorti semgħet ix-xhieda ta’ Surġent tal-Pulizija li kien ħa r-rapport inizjali tal-oħt l-eks sieħba tal-akkużat f’Jannar tal-2019, li fih hija tkellmet dwar l-allegat abbuż.

Il-mara, akkumpanjata minn żewġ social workers, kienet qalet li s-sieħeb t’oħtha kien jgħix magħhom u allegatament kien kontinwament jheddidha u jabbuża minnha. Ix-xhud qal li l-mara allegat li l-akkużat kien heddida li “joqtolha u li jaqtgħalha sieqha u s-swaba.”

“Hija kienet ukoll allegat ukoll li l-abbuż seħħ f’forom differenti matul il-lejl, meta l-akkużat kien jitfi d-dawl tal-kamra u jsinn is-skieken waqt li jdur magħha u heddida li fadlilha ftit ħajja,” qal is-Surġent.

Skont oħt l-eks sieħba tal-akkużat, huwa kien iġib ruħu b’dan il-mod minħabba l-ossessjoni ta’ ommha fuq l-okkult. Hija żiedet tallega mal-pulizija li l-akkużat kien jisfurza lilha u lil ommha biex iwettqu atti sesswali fuq xulxin.

Is-Surġent qal li s-social workers kienu evalwaw lill-vittma bħala “riskju għoli” u wara informa lill-Ispettur Eman Hayman bil-kontenut tar-rapport. Qal li l-ewwel kien akkumpanja lill-vittma u s-social workers fid-dar biex iġġib xi affarijiet personali tagħha, u wara arresta lill-akkużat u ħadu l-għassa tal-pulizija.

F’seduta preċedenti, hija kienet xehdet kif l-akkużat kien qalilha li huwa kien qed jirċievi l-ordnijiet mid-dimonju.

Il-ġuri jkompli. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kaylie Bonnett u Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għall-akkużat qed jidher l-Avukat Mario Mifsud. L-Avukat Lara Dimitrijevic qed tidher parte civile.

Sport