Gavin Gulia, li lbieraħ kien elett lura fil-Parlament f’elezzjoni każwali biex jimtela l-post vakanti tal-Professur Edward Scicluna, irriżenja minn Deputat Laburista wara ftit aktar minn 24 siegħa.
Kien l-istess Gulia li stqarr dan fis-seduta tal-lejla tal-Parlament hekk kif tenna li l-Prim Ministru Robert Abela talbu biex jibqa’ jokkupa r-rwol tiegħu bħala Ċermen tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Għaldaqstant dan se jwassal biex il-post battal jeħtieġ li jimtela billi l-Partit Laburista jinnonima lil persuna. Dan il-proċess se jkun simili għal dak li wassal biex il-Ministri Miriam Dalli u Clyde Caruana jinħatru bħala Deputati permezz ta’ co-option.
Intant fi stqarija l-Partit Nazzjonalista tenna li l-Gvern jinteressah biss mill-interessi partiġġjani tiegħu. Dan hekk kif tħabbret ir-riżenja ta’ Gavin Gulia minn Deputat Laburista.
Il-Partit Nazzjonalista qal li “ħadd ma jemmen li Robert Abela u Gavin Gulia ma kellhomx kollox ippjanat minn qabel ma wettqu x-xeneġġjata li wettqu llum bl-ikbar disprezz lejn ir-rieda u l-għażla tal-votanti.”
Temm jgħid li l-Prim Ministru Robert Abela qed jimmanipula s-sistema demokratika biex idaħħal fil-Parlament lil min irid hu u mhux lil min eleġġa l-poplu.