Hekk kif imbassar, mill-11 a.m ‘il quddiem ir-riħ kompla jitqawwa għal Forza 7 b’buffuri ta’ Forza 8 mill-Punent. Barra minn hekk diversi żoni madwar il-pajjiż inħakmu minn ħalbiet ta’ xita, anke bir-ragħad.
Filwaqt li niġbdu l-attenzjoni tas-sewwieqa minħabba dawn il-kundizzjonijiet tat-temp fost l-oħrajn minħabba problemi ta’ viżibbiltà, dan is-sit jinsab infurmat li fi Triq tal-Barrani diġà għaddejja ħidma mill-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex ineħħu siġra kbira li għelbet għal nofs it-triq.

Fil-post issejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei iżda fortunatament ħadd ma ndarab f’dan l-inċident.

Fil-post issejħu wkoll uffiċjali ta’ Transport Malta li flimkien mal-Pulizija għenu biex jiddevjaw it-traffiku sakemm titneħħa s-siġra li għalqet parti mit-triq.

Mill-bidu tal-ġimgħa, ir-riħ jinżel għal Forza 5 għal 6 mill-Majjistra, iżda mhux se jdum hekk, minħabba li t-Tlieta se jerġa’ jitla’ għal Forza 7 għal 8 mill-Punent il-Lbiċ. L-Erbgħa u l-Ħamis it-temp mistenni jibqa’ b’riħ qawwi ħafna sakemm jibda jnaqqas mill-għada.
