Inewsmalta jinsab infurmat li aktar kmieni għall-ħabta tas-6:15 a.m ittella’ raġel mill-Bajja s-Sabiħa, f’Birżebbuġa.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li raġel Indjan ta’ 32 sena residenti Ħaż-Żabbar għal xi raġuni kien waqa’ fil-baħar.
Skont informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li r-raġel ittella’ fuq l-art minn xi sajjieda li kienu fiż-żona. Xi ħin wara intervjenew ukoll it-tobba mid-Dipartiment tal-Emerġenza, iżda r-raġel ġie ċċertifikat mejjet fil-post ftit tal-ħin wara.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.