Monday, December 9, 2024

Qassis mixli li kkorrompa tifla ta’ 15-il sena jgħid li ġie rikattat

Aqra wkoll

Aġġornat bir-reazzjoni tal-Kummissjoni għas-Salvagwardja tal-Knisja

Qassis qed isostni li ġie rikattat hekk kif tressaq fil-Qorti akkużat li kkorrompa tifla ta’ 15-il sena li magħha kien qed ikollu relazzjoni sesswali għal dawn l-aħħar erba’ snin.

Il-qassis ta’ 40 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, wieġeb mhux ħati li wettaq attivitajiet sesswali ma’ minorenni. L-attivitajiet sesswali allegatament seħħew f’Ġunju tal-2017 meta t-tifla kien għad kellha 15-il sena.

L-Ispettur Joseph Busuttil spjega lill-Maġistrat Josette Demicoli, li quddiemha tressaq il-qassis, kif il-pulizija bdew jinvestigaw il-każ riċentement meta t-tfajla, li llum għandha 19-il sena, ġiet riferuta lilhom mill-Kummissjoni tal-Knisja kontra l-abbużi sesswali minn qassisin. Hija kienet allegat li kienet f’relazzjoni sesswali mal-qassis u li din ir-relazzjoni kunsenswali bdiet meta kien għad kellha 15-il sena.

L-Ispettur Busuttil qal li l-allegat vittma kienet qalet lill-pulizija li kienu wettqu diversi attivitajiet sesswali iżda ma kellhomx x’jaqsmu flimkien. Huwa ġie akkużat li kkommetta r-reati ftit xhur qabel ma t-tfajla għalqet is-16-il sena.

L-Avukati Difensuri Benjamin Valenzia u Stephen Tonna Lowell sostnew li l-klijent tagħhom kien qed jiġi rikattat mill-mara li ma kinitx tħallih itemm ir-relazzjoni kunsenswali.

Huma qalu li din il-mara qalet lill-klijent tagħhom biex jiżżewwiġha, itaqqalha u biex jitlaq mis-saċerdozju u wissietu li inkella kienet tmur għand l-Arċisqof Charles Scicluna u l-pulizija biex tirrapportah. Qalu wkoll li hi kienet hedditu li tgħid lill-ġenituri anzjani tiegħu b’dan kollu.

Il-Prosekuzzjoni kkonfermat dan ir-rikatt u żiedet tgħid li l-akkużat kien daħal f’ċirku vizzjuż li ma setax joħroġ minnu.

Il-Qorti laqgħet it-talba għal projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet u fuq ċertu dettalji li jistgħu jwasslu għall-identifikazzjoni tagħhom, biex tiġi protettat l-identità tal-allegata vittma.
L-imputat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €7,000. Il-Qorti ordnatlu wkoll biex ma javviċinax lix-xhieda kollha f’dan il-każ filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma u l-familja tagħha.

Intant b’referenza għal dan il-każ irreaġixxiet il-Kummissjoni għas-Salvagwardja tal-Knisja, li fi stqarrija qalet li ħadet l-azzjoni meħtieġa, mingħajr preġudizzju, biex jiġu mħarsa l-partijiet kollha. Dan filwaqt li għaddiet dan il-każ f’idejn il-Pulizija għall-investigazzjoni.

Il-Kummissjoni żiedet tgħid li hija timxi mal-prinċipju li kull persuna hija innoċenti sakemm tinstab ħatja.

Temmet tgħid li tħeġġeġ lil min jaf b’xi allegat każ ta’ abbuż biex jirrapporta direttament lill-Pulizija u biex jikkuntattja lill-Kummissjoni fuq [email protected].

Ekonomija

Sport