Monday, December 23, 2024

AĠĠORNAT: Il-Kunsill ta’ Pembroke jispjega xi ħsara tista’ ssir bil-proġett tad-DB… tad-DB jgħidu li kienu qablu li jekk isir it-tibdil allura jivvotaw favurih

Aqra wkoll

Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke qal fi stqarrija li bħalma ġie rapportat f’diversi mezzi tax-xandir, tlaqqa’ nhar l-4 ta’ Ġunju 2020 biex mill-ġdid jiddiskuti l-applikazzjoni PA 3807/17 għall-iżvilupp ta’ proġett bl-isem City Center mill-iżviluppatur DB Group fis-sit tal-ITS f’Pembroke. 

Fi tmiem laqgħa li damet madwar tliet sigħat, is-Sindku Dean Hili ressaq mozzjoni li tgħid hekk:

Is-Sindku Dean Hili ppropona li l-Kunsill joħroġ stqarrija fejn fiha jagħmel il-pożizzjoni tiegħu ċara fid-dawl tal-PA 3807/17 li fiha jissemma dak kollu li sar tajjeb fuq il-proġett u l-elementi kollha l-inbidlu matul is-snin ilkoll kemm huma frott in-negozjati li kien hemm bejn il-Kunsill u l-iżviluppatur. Però, dan filwaqt li jirreferi għall-oġġezzjoni primarja u l-aktar ewlenija fil-komunità, jiġifieri l-iskumdità u s-snin ta’ kostruzzjoni li se jsofru bi proposta ta’ żvilupp sporzjonat u li ma jixraqx lil żona residenzjali inkluż ukoll dak kollu li hemm marbut magħha, partikolarment il-kostruzzjoni ta’ kilometri ta’ mini minn taħt xagħri protetti.

Il-mozzjoni ġiet issekondata mill-Kunsillier Raymond Lanzon, u l-Kunsill qabel unanimament. 

Il-Kunsill Lokali qal li m’għandu l-ebda aġenda għajr l-interessi tal-lokalità u r-residenti li jirrappreżenta u għalhekk iħoss li l-verità tal-fatti hi sagrosanta. Hu għalhekk ukoll essenzjali li fejn ikun hemm bżonn, wieħed jirrikonoxxi l-merti tal-iżviluppatur bil-ħsieb li l-pubbliku in ġenerali jkun mgħarraf aħjar. 

Dan qed jingħad peress li l-Kunsill iħoss li mid-diversi laqgħat li kellu mal-iżviluppatur matul l-aħħar xhur u snin, il-proġett ġie varjat sostanzjalment safejn kien possibbli biex illum, dak li qiegħed jiġi propost, hu indubjament ta’ piż inqas fuq il-lokalità u l-komunità ta’ Pembroke minn dak oriġinarjament maħsub. 

Ir-raġunijiet ewlenin għal dan, ilkoll kemm huma talbiet li għamel il-Kunsill matul l-aħħar xhur, huma s-segwenti:

• L-ispazju pubbliku żdied b’40%;

• Il-binja skedata tal-ITS mhux se tintmess għajr għal xi alterazzjonijiet, u mhuwiex se jitħaffer taħt l-istess struttura bil-periklu kollu li dan kien se jġib miegħu;

• L-iskavar fuq l-Għar Ħarq Ħammiem mhix se jsir u mhu se jsir l-ebda żvilupp fuq l-istess għar;

• L-uffiċini tneħħew kollha mill-iżvilupp, bħalma tneħħew il-Casino u s-swali tat-tiġijiet;

• Bit-tnaqqis fl-għoli tat-torri, u d-distanza li nfetħet bejn it-torri u l-lukanda llum qed jiġi propost li d-dell li jikkawża l-proġett, jonqsu;

• It-traffiku kollu minn u lejn il-lukanda jrid jipparkja fl-underground parking, liema parkegg jesa madwar 1,400 vettura, u liema parkeġġ għandu l-unika aċċess tiegħu mill-mina proposta. Dan ifisser li l-pjan oriġinali biex Triq Pietro Rossell, triq dejqa residenzjali, isservi ta’ triq prinċipali ta’ dħul għall-proġett, ġie abbandunat. 

• Il-vetturi l-kbar li se jkunu qed jagħtu servizz lill-proġett iridu jaċċessaw il-proġett bilfors mill-mina proposta wkoll u għalhekk fl-operat tal-proġett hu maħsub li jkun hemm surface traffic minimu. 

• Il-ħajt tal-parkeġġ li se jkun hemm fuq Triq Pietru Darmenia se jirtira ‘l ġewwa f’kull sular. 

Dawn il-punti kollha, fost oħrajn, kienu diskussi fil-laqgħat u n-negozjar li l-Kunsill kellu mal-istess żviluppatur. 

Il-Kunsill qal li jeħtieġ jiġi sottolineat li l-proġett propost dġà kien kiseb permess għall-iżvilupp fis-snin li għaddew – b’diżappunt kbir għal dan il-Kunsill, anke jekk dak li kien qed jiġi propost dakinhar kien bil-bosta aktar inkwetanti mill-verżjoni tal-lum, sempliċement għax mhux biss kien massiv bħalma hu dak li qed jiġi propost issa u aktar, talli l-piż biex jiffunzjona l-proġett kienet se ġġorru biss il-lokalità u t-toroq sekondarji tagġha. Il-Kunsill għalhekk, filwaqt li jifhem ukoll li kien hemm proċeduri ġudizzjarji li wassluna fil-pożizzjoni li ninsabu fihom illum, jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex dawn it-talbiet elenkati hawn fuq, jiġu inkorporati. 

Madankollu, il-kunsill jgħid li jibqa’ l-fatt li dan il-proġett hu enormi, b’tali mod li hu sproporzjonat meta mqabbel mal-madwar u l-kumplament tal-lokalità.

Minkejja t-tibdil li sar, jgħid li jidher ċar aktar minn qatt qabel li l-iżviluppatur għad għandu f’mġġu jibni ‘a landmark building’, u li b’din hu qed jifhem li għandu jibni l-akbar u l-aktar struttura prominenti fil-pajjiż. 

Mhux hekk biss, iżda jgħid li minbarra l-kostruzzjoni marbuta mal-bini tal-istess proġett, biex ikun jista’ jiffunzjona hu u oħrajn bħalu, neħtieġu l-kostruzzjoni ta’ kilometri ta’ mini minn taħt il-lokalità, prattikament kollha kemm hi, inkluż diversi metri ta’ mini taħt xagħri protett. 

Il-Kunsill qal li s-snin ta’ piż li ġġib magħha l-kostruzzjoni, u l-ammont ta’ distruzzjoni meħtieġa, ifissru li l-pożizzjoni tal-Kunsill, ġaladarba l-istess Kunsill jirraprreżenta s-sentiment ġenerali tal-lokalità u r-residenti tagħha, ma tistax tkun favur dan il-proġett u dak kollu li se jġib miegħu – kemm waqt it-tqattigħ u l-bini, iżda anke wara t-tlestija tiegħu u l-operat tiegħu.

Il-Kunsill jirrimarka wkoll li sitwazzjonijiet simili faċilment jiġu evitati jekk u meta l-Kunsilli jibdew jiġu kkonsultati qabel jiġu mqassma artijiet pubbliċi għal proġetti ta’ din il-portata. B’hekk wieġed ikun f’pożizzjoni jeżamina l-polz tal-komunità. F’każ li ma jsirx hekk, il-Kunsill ma jista’ qatt ma jesprimix il-fehma tar-residenti tiegħu u fil-fatt jonqos jekk ma jagħmilx hekk. 

Finalment, il-Kunsill ta’ Pembroke qal li l-influwenza limitata tal-vot tal-Kunsill fil-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar jeħtieġ għalhekk tiġi utilizzata biex isservi ta’ eku tas-sentiment tar-residenti li wara kollox eleġġew lill-kunsill biex jirrappreżentahom, u assolutament xejn aktar.

Reazzjoni min-naħa ta’ db Group

Intant, fi stqarrija, id-db Group qal li filwaqt li jirringrazzja lill-Kunsill ta’ Pembroke talli rrikonoxxa u apprezza li permezz tal-laqgħat li kien hemm bejniethom matul is-snin, saru t-tibdil kollu li ntalab. 

Madankollu, db Group wieġbu dwar tħassib ieħor li għandu l-Kunsill. L-ewwel nett spjegaw li l-proġett kif ġie mċekken issa għandu 18% inqas sulari u ġie ekwivalenti daqs l-għoli ta’ Mercury Tower, Fort Cambridge, Metropolis u Town Square. Semmew li l-lukanda ċċekknet bi tliet sulari u l-proġett sħiħ ġie mnaqqas b’19,000 metru kwadru minn kemm permissibbli mill-pjan lokali. 

Semmew ukoll il-mini taħt l-art u qalu li f’dan ir-rigward Infrastructure Malta għaddejja bil-proċess biex tagħmel l-istudji neċessarji dwar dan. 

Finalment jittrattaw ukoll l-inkonvenjent tar-residenti u jgħidu li f’pajjiż bħal tagħna din hi xi ħaġa inevitabbli. Madankollu, db Group jgħidu li r-residenti se jiġu protetti b’miżuri favur l-ambjent. Qalu li mhu se jkun hemm ebda toroq magħluqin madwar is-siti tal-kostruzzjoni u mhu se jitħallew jgħaddu ebda trakkijiet miż-żoni residenzjali. Qalu wkoll li l-makkinarju użat se jkun silenzjuż u ma jiġġenerax ħafna trabijiet. 

Fuq kollox, id-db Group qalu li l-kunsill qatt ma qalilhom li kien se jivvota kontra l-proġett matul il-laqgħat. Fil-fatt, qalu li kienu qablu dwar Memorandum of Understanding li jgħid li jekk jagħmlu t-tibdil kif jixtiequ, allura jivvota favurih. 

Ekonomija

Sport