Saturday, December 14, 2024

AĠĠORNAT: Il-PBS twieġeb … Ma tarax raġuni għal xiex treġġa’ d-deċiżjoni tagħha

Aqra wkoll

Il-PBS ippubblikat l-ittra legali ffirmata mill-avukati tagħha fejn sostniet li m’hemm ebda raġuni għaliex għandha treġġa’ d-deċiżoni tagħha rigward l-l-iskwalifika tal-kantant Aidan Cassar mill-Malta Eurovision Song Contest 2023.

Fl-ittra tagħha, il-PBS innotat li Cassar fl-ebda mument ma ċaħad li l-imġiba tiegħu kienet tikser ir-regolamenti tal-MESC.

L-ittra legali tgħid ukoll li huwa kien jaf li qed jikser xi regolamenti għax ġie mitkellem diversi drabi u mhux talli ma waqafx, talli kompla bl-aġir tiegħu. Hija żiedet tgħid li l-kantant saħansitra ffirma għar-regolamenti tal-istess MESC.

Rigward l-allegazzjoni ta’ Cassar li qal li ma jafx għaliex ġie skwalifikat, il-PBS kitbet tgħid fl-ittra tagħha li għandha evidenza li turi mod ieħor.

6:00 p.m: Aidan Cassar lest li jipproċedi bil-qorti jekk ma tiġix irtirata l-iskwalifika tiegħu

Il-kantant Aidan Cassar talab lill-PBS biex tirtira d-deċiżjoni tal-iskwalifika tiegħu mill-Malta Eurovision Song Contest.

F’ittra mibgħuta lill-PBS, l-avukati ta’ Cassar talbu għas-sospenzjoni ta’ din id-deċiżjoni u wissew li l-kantant huwa lest li jipproċedi bil-qorti jekk ma jintlaħaqx qbil.

L-ittra legali tgħid li minkejja l-passi meħudin fil-konfront tiegħu, ma ttiħdux passi kontra kantanti oħrajn li allegatament għamlu l-istess fuq il-midja.

Huwa qal ukoll li l-PBS qatt ma tatu l-opportunità li jiddefendi lilu nnifsu u li s’issa ma ngħatax raġunijiet speċifiċi għall-iskwalifika tiegħu mill-kompetizzjoni.

L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Charles Mercieca talbu f’isem il-kantant lill-PBS biex tlaqqa’ lill-klijent tagħhom flimkien mal-organizzaturi biex hu jkun jista’ jressaq il-każ tiegħu.

Ekonomija

Sport