Sunday, December 22, 2024

AĠĠORNAT: IL-PM ISOSTNI LI L-GVERN SE JIBQA’ JGĦIN LILL-FAMILJI U N-NEGOZJI

Aqra wkoll

F’kumment li ta lill-ġurnalisti ftit tal-ħin ilu l-Prim Ministru Robert Abela sostna li r-rapport tal-IMF kien wieħed pożittiv ħafna għall-pajjiżna.

Il-Prim Ministru sostna li l-impenn li wera l-Gvern b’mod partikolari waqt il-pandemija ħallew ir-riżultati u issa anke dan ġie rikonoxxut mill-IMF.

Meta mistoqsi dwar il-prezzijiet tal-enerġija fl-isfond tar-rakkomandazzjonijiet li għamlet l-IMF, il-Prim Ministru qal li pajjiżna mhux se jerġa’ jmur għal xi miżuri ta’ awsterità bħalma kien ġara taħt Gvernijiet Nazzjonalisti. Abela qal li kull meta l-pajjiż daħħal miżuri ta’ awsterità dejjem wasslu għal katastrofiċi fl-ekonomija u fil-qgħad.

Spjega li l-Gvern għandu pjani fit-tul għas-sussidju tal-enerġija, u fl-istess waqt sostna li dawn il-pjani ma jinkludux li jinxeħtu xi piżijiet fuq in-nies. Il-Prim Ministru Abela qal li l-Gvern se jkun jibqa’ jgħin lill-familji u n-negozji.

07.00pm – L-IMF ikkonkluda li l-ekonomija Maltija irkuprat b’saħħa

Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) ikkonkluda li l-ekonomija Maltija irkuprat b’saħħa mill-pandemija tal-Covid-19 li laqtet lid-dinja li skont l-istess Fond kienet l-agħar riċessjoni f’gġexieren ta’ snin.

L-analiżi tagħhom, l-ekonomisti tal-IMF qalu li d-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Gvern Malti kienu deċiżjonijiet tajbin u ttieħdu f’waqthom u f’dan il-perjodu għenu l-familji u n-negozji. Intqal ukoll li fl-aħħar sentejn – allura fi żmien il-pandemija – Malta kellha fost l-akbar tkabbar ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt sentejn ilu l-ekonomija Maltija kibret bi 11.7 fil-mija fwaqt li s-sena li għaddiet kibret b’6.5 fil-mija.

L-ekonomisti tal-IMF qed ibassru li din is-sena l-ekonomija ta’ pajjiżna mistennija tikber bi 3.3 fil-mija. Fl-istess analiżi l-IMF innotat ukoll ż-żieda fl-inflazzjoni, iżda qalet li din baqgħet fost l-inqas fiż-Żona Ewro. Fost id-deċiżjonijiet li ttieħdu biex l-infalzzjoni tiġi kkontrollata kien hemm id-deċiżjoni tal-Gvern li ma jgħollix il-kontijiet tad-dawl u l-ilma filwaqt li l-prezzjonijet tal-fjuwils baqgħu stabbli.

Filwaqt li faħħar dawn id-deċiżjonijiet l-IMF ħeġġeġ lill-Gvern biex fiż-żmien li ġej ifassal strateġija biex filwaqt li jkompli jagħti l-għajnuna tiegħu lil persuni vulnerabbli, ma jkomplix għaddej bil-politika ta’ prezzijiet fissi għas-settur tal-enerġija.

L-effetti tal-Gwerra bejn ir-Russa u l-Ukranja, skont id-diretturi eżekuttivi tal-IMF ħallew impatt indirett fuq l-ekonomija Maltija. Fil-fatt, intqal li t-tkabbir ekonomiku mistenni li jonqos xi ftit minħabba dak li hu għaddej madwar id-dinja.

L-IMF qal li l-irkupru ekonomiku b’saħħtu ta’ Malta kompla matul is-sena li għaddiet, xprunat l-aktar minn żieda fl-esportazzjoni u l-konsum.

Rigward l-enerġija l-IMF ħeġġet lill-Gvern biex jintroduċi mekkaniżmi ta’ prezzijiet fis-suq li jinċentivaw il-konservazzjoni tal-enerġija u jgħin biex titħaffef il-qalba ambjentali waqt li jipproteġi lil gruppi vulnerabbli. Sostnew li din il-qalba ekoloġika hija l-aqwa mod biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ta’ Malta minn xokk ieħor fis-settur tal-enerġija.

L-IMF qal ukoll li l-awtoritajiet Maltin għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u l-iffinanzjarjar tat-terroriżmu. Innotat li fl-aħħar snin kien hemm progress kbir f’dan il-qasam.

Il-Fond Monetarju Internazzjonali temm jgħid li pajjiżna għandu jindirizza n-nuqqas ta’ ħiliet fis-suq tax-xogħol, iżid il-ħaddiema gradwati fix-xjenza, iħeġġeġ it-taħriġ vokazzjonali, jippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni u jwettaq it-trasforamzzjoni diġitali għall-kumpaniji.

Ekonomija

Sport