Saturday, November 23, 2024

AĠĠORNAT: Il-Prof. Gauci tgħid li l-iskejjel se jerġgħu jiftħu mill-ġdid f’Settembru

Aqra wkoll

Matul dawn l-aħħar 24 siegħa kienu rapportati 32 każ ġdid ta’ persuni li rriżultaw pożittivi għall-Covid-19. Fl-istess waqt kien hemm 65 persuna li rkupraw, biex b’hekk in-numru ta’ każi attivi niżel għal 624 każ.

Intant fuq medda ta’ 24 siegħa l-awtoritajiet tas-saħħa wettqu 2,109 swab test.

Waqt li kienet qed tindirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat aġġornament dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna l-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gaci qalet li tliet mis-624 każ attiv li hawn f’pajjiżna, tlieta minnhom qed jirċievu kura intensiva. Fl-istess waqt hemm ħames pazjenti li qed jirċievu kura fit-Taqsima għal Mard Infettiv fl-Isptar Mater Dei, 14-il pazjent ieħor qed jirċievu kura fl-Isptar Boffa, 14 oħrajn fl-Isptar St Thomas u 22 pazjent fl-Isptar Monte Karmeli.

Il-Professur Gauci qalet li l-istatistika qed tindika li n-numru ta’ każi ġodda qed jistabbilizza għal bejn 30 u 40 każ kuljum. Dan filwaqt li l-medja għall-aħħar sebat ijiem tindika wkoll tnaqqis fin-numru ta’ każi ġodda rapportati.

B’referenza għall-każi ġodda reġistrati matul din l-aħħar ġimgħa, il-Professur Gauci qalet li clusters ta’ każi relatati ma’ nies li jiġu minn xulxin (family clusters) kienu jagħmlu l-akbar grupp ta’ cluster ta’ każijiet. Saħqet ukoll li n-numru ta’ każi relatati fuq il-postijiet tax-xogħol, u laqgħat bejn gruppi ta’ nies huma sinjifikanti.

Fl-istess waqt qalet li l-awtoritajiet tas-saħħa innotaw li kienet reġistrata żieda f’dik li hija età tal-persuni li qed jiġu infettati bil-virus, bl-età medja tal-pazjenti tkun ta’ madwar 40 sena.

Il-Professur Gauci qalet ukoll li mil-lum, kull min jattendi għal attivitajiet soċjali jeħtieġ li jkun bil-qiegħda, b’dan ir-rekwiżit japplika wkoll għal tiġijiet. Dan bil-għan li jitnaqqas in-numru ta’ nies li jiġu f’kuntatt ma’ xulxin waqt li jkunu bik-wieqfa, minħabba li dan iwassal għal riskju akbar ta’ tixrid tal-virus.

Fl-istess waqt hija kkonfermat li ma kien hemm l-ebda każ f’Malta fejn persuna ġiet infettata darbtejn mill-virus. Hija qalet li madankollu l-awtoritajiet tas-saħħa qed isegwu każi simili li ġew rapportati barra minn Malta.

Hija saħqet ukoll li l-iskejjel se jkunu qed jiftħu mill-ġdid f’Settembru. Dan emfasizzat l-importanza li jiġu assigurati li jiġu implimentati linji gwidi biex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ trasmissjoni.

Sport