12:30 p.m F’operazzjoni delikata, il-pulizija issa ilha diversi sigħat tipprova tikkonvinċi lill-allegat qattiel ta’ Bernice Cassar biex irodd ruħu b’idejh.
Jidher ukoll li persuna oħra qiegħda tgħin lill-pulizija bil-għan li jikkonvinċu lill-allegat qattiel irodd ruħu b’idejh bla ma ħadd jindarab.
10:30 a.m: Il-Pulizija tasal fir-residenza tal-allegat qattiel
Il-pulizija tinsab għaddejja b’operazzjoni biex tarresta l-allegat aggressur mir-residenza tiegħu fil-Qrendi.
09:30 a.m: Bernice Cassar; l-omm li nqatlet f’Raħal Ġdid
Wara li ftit tal-ħin ilu kelliem tal-Pulizija kkonferma mal-ġurnalisti dwar l-identità tal-vittma u li l-pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet u anke bi tfittxija għall-aggressur jidher li fl-aħħar ħin kien hemm żvolta fil-każ.
Xhieda fuq il-post instemgħu jgħidu “sabuh, Sabuh!” b’indikazzjoni li l-allegat aggressur kien instab. Madanakollu skont informazzjoni li għandu dan is-sit jidher li l-operazzjoni biex jinstab l-aggressur għadha għaddejja.
Jidher li l-pulizija marret fir-residenza tal-allegat aggressur iżda t-tfittxija rriżultat fin-negattiv.
9:00 a.m: IDENTIFIKATA l-VITTMA
Persuna inqatlet fi sparatura li seħħet aktar kmieni dalgħodu fiż-Żona Industrijali ta’ Kordin f’Raħal Ġdid.
Skont informazzjoni li kiseb dan is-sit jidher li l-Pulizija bħalissa għaddejja bi tfittxija għall-aggressur u l-karozza li allegatament intużat f’din l-isparatura.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma li għall-ħabta tat-8:00 a.m kienu infurmati dwar inċident li seħħ ħdejn il-Moskea u li fl-istess inċident kienu nstemgħu xi tiri. Fil-post waslu uffiċjali tal-RIU, ambulanza kif ukoll Pulizija tad-Distrett.
Fil-post issejjaħ minnufih tim mediku mill-Isptar Mater Dei u uffiċjali mit-Taqsima tar-RIU fost uffiċjali oħrajn. Sfortunatament mara ta’ 40 sena residenti l-Qrendi kienet iċċertifikata mejta fuq il-post.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.