Friday, December 20, 2024

AĠĠORNAT: Il-vaċċin tal-Moderna jilħaq l-94% effiċjenza … it-tieni tilqima approvata mill-UE tingħata f’żewġ dożi bi 28 jum bejniethom

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-tieni vaċċin approvat mill-UE, dak tal-Moderna, għandu effiċjenza ta’ 94%  li tinżel għal 91% fil-persuni meqjusin bħala vulnerabbli.

Kienet l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMA) li tat l-approvazzjoni tagħha għall-vaċċin tal-Moderna biex issa dan se jibda jitqassam fost l-istati membri wara li lejn l-aħħar ta’ Diċembru beda jingħata dak tal-Pfizer.

Matul din is-sena Malta se tirċievi 100,000 doża mill-Moderna li tingħata f’żewġ dożi bit-tieni waħda 28 jum wara l-ewwel waħda lil dawk li għandhom aktar minn 18-il sena.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen laqgħet din l-aħbar u irrimarkat li qed jaħdmu kemm jifilħu biex tkun disponibbli fl-UE.

Fuq bażi lokali anke l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci laqgħu l-approvazzjoni tal-EMA.

Emer Cooke, Direttur Eżekuttiv tal-EMA, irrimarkat li dan il-vaċċin huwa għodda oħra biex negħlbu l-emerġenza li ninsabu fiha u għamlitha ċara li se jibqgħu jsegwu l-għoti tiegħu biex jassiguraw saħħet iċ-ċittadini tal-UE.

It-test ewlieni fuq il-vaċċin tal-Moderna sar fuq 30,000 persuna li kellhom 18-il sena jew aktar.

Nofshom ħadu l-vaċċin u n-nofs l-ieħor dik li tissejjaħ ‘dummy injection’ mingħajr ma ħadd ma kien jaf jekk qed jingħatax waħda jew l-oħra.

B’kollox minn 14,134 li rċevew il-vaċċin kienu biss 11 li xorta mardu bil-Covid19 mentri minn 14,073 li ħadu dik li tissejjaħ d-‘dummy injection’ ħadu l-virus 185.

Id-‘dummy injection’, magħrufa wkoll bħala ‘placebo’, mhix il-vaċċin proprja imma tkun mediċina li tingħata biex l-awtoritajiet tas-saħħa jqabbluha mal-vaċċin proprju.

Waqt li l-effiċjenza tiegħu fin-nies ġenerali kienet ta’ 94%, f’dawk li għandhom mard tal-qalb, mard tal-pulmun, mard fil-fwied, ħxuna, dijabete u l-HIV l-effiċjenza niżlet għal 91%.

Skont it-testijiet l-iktar ‘side effects’ komuni tal-vaċċin kienu uġigħ jew nefħa fejn tingħata t-tilqima, għejja, tkexkix ta’ bard, deni, nefħa taħt l-idejn, uġigħ ta’ ras, uġiegħ fil-muskoli, dardir u remettar.

Minbarra fil-pajjiżi tal-UE l-vaċċin tal-Moderna ġie approvat ukoll mill-Istati Uniti u l-Iżrael.

Ekonomija

Sport