Saturday, December 21, 2024

AĠĠORNAT: Il-vittma tal-inċident fil-Marsa kien qiegħed iwassal l-ikel bil-mutur

Aqra wkoll

Żagħżugħ tilef ħajtu wara li aktar kmieni għall-ħabta tal-11:30 a.m kien involut f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Aldo Moro fil-Marsa.

Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li Trakk Daf, misjuq minn raġel ta’ 56 sena residenti Bormla għal xi raġuni spiċċa fuq ġenb wara li laqat central strip.

Konsegwentament l-affarijiet tal-ħadid li kienu fit-trakk waqgħu u ġew fuq mutur Kymco Agility, misjuq minn żagħżugħ min-Nepal ta’ 28 sena residenti l-Imsida. Is-sewwieq li kien qiegħed iwassal spiċċa mitluf minn sensih mad-daqqa.

It-trakk baqa’ jitkaxkar u laqat żewġ vetturi oħra tat-tip Hyundai I20, misjuqa minn raġel ta’ 39 sena mil-Litwanja u Audi A1 misjuqa minn raġel ta’ 52 sena residenti s-Swieqi.

Fil-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu. Ambulanza ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa iżda sfortunatamet ġie iċċertifikat mejjet ftit wara.

Il-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi.

Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-każ għadhom għaddejjin.

Ekonomija

Sport