Thursday, December 26, 2024

AĠĠORNAT: “Illum ma rbaħtx jien, ma tilifx Adrian Delia, rebaħ il-Partit Nazzjonalista” – Il-Kap il-ġdid tal-PN Bernard Grech

Aqra wkoll

Adrian Delia – 5,622, Bernard Grech – 12,633… Bernard Grech Kap tal-PN b’distakk ta’ 7,011 vot differenza

Aġġornat:

“Illum ma irbaħtx jien, ma tilifx Adrian Delia, ma rebħux dawk li vvutaw lili, ma tilfux dawk li vvutaw lil Adrian Delia, illum rebaħ il-Partit Nazzjonalista.” Hekk beda l-ewwel diskors tiegħu l-avukat Bernard Grech bħala Kap ġdid tal-PN. Huwa qal minn għada se jkun qed jibda biex jirbaħ lill dawk il-5,622 votant li għażlu lil Adrian Delia, għaliex “aħna familja waħda”.

Grech wera kompassjoni ma’ dawk l-anzjani li ma setgħux joħorġu jivvutaw minħabba l-pandemija tal-COVID-19, “qalbi tinsab magħkom.” Huwa rringrazzja lil Adrian Delia u laqa’ t-talba tiegħu biex ikompli jaħdmu flimkien ħalli “jissaħħaħ il-partit.” Grech ikkonkluda jgħid li flimkien “nistgħu nsaħħu lill-PN u nagħmluh Gvern alternattiv.”

F’konferenza separata mal-ġurnalisti, Grech qal li ċ-ċifra ta’ kważi 70% hija sabiħa u ġġib magħha responsabbiltà kbira. Rigward siġġu fil-Parlament, Grech qal li diġà kien f’kuntatt ma’ numru ta’ Deputati li lesti jċedu posthom biex Grech ikun jista’ jkollu post fil-Parlament. Rigward l-elezzjoni ġenerali, Grech qal li jekk il-Prim Ministru Robert Abela ma jsejjaħx elezzjoni bikrija sena u nofs qabel, il-PN kapaċi jnaqqas id-distakk. Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalist tal-midja Laburista, Grech qal li l-PL sar partit negattiv. Fl-istess ħin, huwa ammetta li l-iskema taċ-ċedoli se tkun qed tibqa’.

Adrian Delia jikseb 5,622 (30.7%) tal-voti, ġifieri ftit aktar minn 2,000 inqas minn meta kien tellaq għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN u rebaħ kontra Chris Said fl-2017. Min-naħa tiegħu Bernard Grech rebaħ l-elezzjoni b’distakk qawwi ta’ 7,011 hekk kif kiseb 12,633 vot 69.3%.

Huwa u ħiereġ mid-Dar Ċentrali Adrian Delia ntlaqa’ minn ċapċip kbir mill-partitarji tiegħu. Huwa qal li “l-Partit Nazzjonalista għandu jkun dejjem l-ewwel.” Il-partitarji nstemgħu jgħajtu “grazzi Kap.” Jidher ukoll li għall-mument kien hemm tensjoni bejn il-partitarji ta’ Bernard Grech u dawk ta’ Adrian Delia.

Intant il-Kap uxxenti tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fuq Twitter kiteb li r-rebħa ta’ Bernard Grech hija “rebħa għall-PN u rebħa għal Malta.”

F’konferenza tal-aħbarijiet, Adrian Delia beda biex irringrazzja lit-tesserati kollha li vvutaw f’elezzjoni storika biex jintgħażel Kap ġdid għall-PN. Fid-dawl tat-telfa Delia qal li hu ma jemminx li tilef għax il-messaġġ tiegħu xorta baqa’ wieħed. Huwa qal li llum “rebaħ il-Partit Nazzjonalista, ma jistax li jibqa’ jkollna ġlied intern fil-partit.”

Huwa qal li dak li sabx hu, jiġifieri appoġġ u sapport se jkunu qed jagħtih hu lill-Kap il-ġdid tal-PN, l-avukat Bernard Grech. Delia qal li hu Malti u kburi, b’referenza għall-kumment ta’ Grech fejn fuq programm televiżiv qal li jgġid li hu Grieg għax “nistħi ngħid li jien Malti.” Delia appella lil dawk kollha li qed jgħidu li llejla tilfu li huma ma tilfux u hu se jibqa’ jirrappreżenta lilhom u lill-kumplament tas-soċjetà.

Jasal id-Dar Ċentrali Adrian Delia. Kemm Adrian Delia kif ukoll Bernard Grech se jkunu qed jagħtu l-messaġġ tagħhom fil-ħin li ġej.

Jidher li l-Kap tal-PN għadu kemm ikkonċeda t-telfa għall-Kap tal-PN. Dan ifisser li Bernard Grech se jkun il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista b’appoġġ ta’ 66%. Adrian Delia u Bernard se jkunu qed jagħtu l-messaġġi tagħhom fil-ħin li ġej.

Il-President tal-MZP, Joseph Grech, ħabbar li b;’Bernard Grech bħala kap ġdid tal-PN “se jibda żmien sabiħ għall-Partit Nazzjonalista.”

Jidher li Berbard Grech se jkun qed jikseb aktar minn 60% tal-voti mit-18,378 tal-voti mitfugħa. Intant l-avukat Joe Giglio, għadu kemm kiteb li Bernard Grech se jkun il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Huwa rringrazzja liż-żewġ kontestanti għall-kampanja li kellhom.

Ftit tal-ħin ilu, l-avukat Bernard Grech għadu kemm ta’ x’jifhem li hu se jkun il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista dan hekk għadu kemm kiteb li “llejla flimkien għamilna l-ewwel pass”.

Il-midja tal-PN għadha kemm tat indikazzjoni li l-avukat Bernard Grech qiegħed fuq quddiem fit-tellieqa għall-Kap tal-PN. Il-midja tal-PN qed tgħid ukoll li Bernard Grech jidher li “għandu vantaġġ sostanzjai”.

Ftit tal-ħin ilu beda l-għadd tal-vot se jkun qed jiddetermina min se jkun qed imexxi lill-Partit Nazzjonalista għas-snin li ġejjin.

Aktar qabel:

Sakemm ingħalqet l-elezzjoni llum, kien hemm 15% tat-tesserati eliġibbli li ma vvotawx. Qalet dan il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, fejn qalet li matul il-ġurnata tal-lum ivvotaw 9% tat-tesserati eliġibbli.

Dan irid jingħaqad mas-76% tat-tesserati eliġibbli li kienu vvotaw sal-bieraħ.

B’hekk kien hemm madwar 3,200 tesserat li ma pparteċipawx bil-vot tagħhom f’din l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap Nazzjonalista. Sa dalgħodu n-numru ta’ tesserati eliġibbli kien għad iridu jivvotaw kien jammonta għal ftit aktar minn 5,100.

Il-proċess tal-votazzjoni bikrija nbeda nhar il-Ġimgħa li għadda, u kompla matul il-jum tas-Sibt, u l-jiem tal-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa ta’ din il-ġimgħa.

Intant matul il-ġurnata tal-lum il-votazzjoni bdiet mit-8.00 a.m. u ġiet fi tmimeha fl-4.00 p.m. f’Malta, filwaqt li f’Għawdex din baqgħet miftuħa sas-2.00 p.m.

Ir-rebbieħ tal-elezzjoni għal kap Nazzjonalista mistenni li jsir magħruf għall-ħabta tal-10.00 p.m.

Ekonomija

Sport