Sunday, December 22, 2024

Aġġornat: Interventi b’emerġenza f’Wied il-Qlejgħa wara ħsarat strutturali

Aqra wkoll

B’referenza għall-inċident li seħħ matul il-lejl li għadda, fejn triq f’Wied il-Qlejgħa ġarrbet ħsarat konsiderevoli, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma infurmat lill-pubbliku illi qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex ikun evitat kull periklu.

Dan hekk kif matul il-lejl li għadda, parti mit-triq li tgħaddi tul Wied il-Qlejgħa, eżattament il-parti tat-triq maġenb l-iskontru (dam) l’isfel minn niżla tal-Imtarfa ġarrbet ħsarat sostanzjali. Fi stqarrija ntqal li t-triq in kwistjoni hija struttura antika mibnija fuq il-ħamrija taflija li tinsab fil-ġnub ta’ dan il-wied.

L-Aġenzija spjegat li f’din il-parti tal-wied, jinġabar volum kbir ta’ ilma (attwalment l-akbar volum f’Malta) minħabba l-effett tal-iskontru (dam) li jgħalaq il-wied. Minn evalwazzjoni preliminari tas-sitwazzjoni fis-sit, l-Aġenzja qalet li jidher illi l-kollass fit-triq jirriżulta minħabba l-effett ta’ żewg forzi kuntrastanti relatati mal-ilma tax-xita li niżel f’dawn l-aħħar ġranet.

Dawn huma l-effett tal-ilma li nġabar wara l-iskontru u li jagħmel pressjoni ‘l ġewwa fuq il-bażi tal-ħitan tal-wied, u l-effett tal-ilma tax-xita li jiskula mill-wiċċ fil-ħamrija taflija li jwassal biex din il-ħamrija tespandi u tagħmel pressjoni il-barra fuq il-partijet ta’ fuq ta’ l-istess ħajt.

Dawn iż-żewġ forzi kuntrastanti huma probabbilment il-kawża prinċipali wara dan il-kollass li effettivament sar fil-parti ta’ fuq tal-ħajt.

B’mod immedjat u biex jitnaqqas il-periklu, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma talbet lil Infrastructure Malta tassistiha biex tagħlaq il-parti tat-triq affettwata u twaħħal tabelli li jindikaw dan l-għeluq u d-devjazzjonijiet relatati. L-Aġenzija qalet li huwa importanti li ħadd ma jipprova jgħaddi minn din il-parti tat-triq – anke bil-mixi – minħabba l-periklu eżistenti.

Filwaqt li dawn l-interventi huma intiżi sabiex ibiegħdu l-pubbliku mill-periklu fl-immedjat, l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma bdiet ukoll diskussjonijiet mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi sabiex jinbeda l-proċess biex isiru x-xogħlijiet ta’ konsolidament u tiswija neċessarja, sabiex filwaqt li tinstab soluzzjoni fit-tul għal dan il-punt kritiku tal-wied, ix-xogħlijiet isiru b’mod ambjentalment sensittiv.

Ekonomija

Sport