Minkejja li fuq diversi mezzi soċjali lbieraħ filgħaxija kien hemm għajdut li l-persuna mitlufa kienet instabet, dalgħodu kelliem għal Pulizija kkonferma ma’ talk.mt li s’issa għadu ma nstabx.
Is-sitwazzjoni tat-temp tal-bieraħ kompliet tagħmel l-operazzjoni ferm aktar diffiċli minħabba li l-għaddasa tal-Forza Armati ta’ Malta ma setgħux jaqbżu l-baħar minħabba l-periklu.
It-tfittxija għal persuna nieqsa se tkompli dalgħodu bit-tama li anke l-għaddasa jkunu jistgħu jinżlu jfittxu taħt il-baħar.
03.47pm (Il-Ġimgħa) “Rajt raġel tiela’ għasra … prova jsalvah imma kien diġà wiċċu ’l isfel fil-baħar”
Sorsi qrib dan is-sit li aktar kmieni kien fuq il-post qalulna li l-persuna li għamlet ir-rapport kienet qiegħda taħdem f’lukanda fl-inħawi.
Il-persuna qalet li kienet rat raġel tiela’ għasra mill-baħar u b’nofs qalb qal li kien ipprova jsalva lill-persuna li x’aktarx huwa raġel, iżda ma setax jissogra li jibqa’ ħiereġ f’dawk il-kundizzjonijiet ta’ mewġ jibla l-art. Huwa semgħu jgħid ukoll li l-persuna kellha diġà rasha ‘l isfel fil-baħar u li raha saħansitra tinbela’ minn mewġa sakemm ma rahiex iżjed.
Intant il-Pulizija kkonfermat magħna li hija rċeviet r-rapport ta’ persuna mitlufa fil-baħar għall-ħabta tas-2:15 p.m. Żiedet tgħidilna li għalkemm għall-bidu t-tfittxija bdiet bid-dinghi tal-Forzi Armati ta’ Malta u magħhom intalab jassiti ħelikopter għal tfittxija mill-ajru, ftit wara d-dinghi kellu jissospendi t-tfittxija minħabba l-mewġ qawwi li qiegħed jikkawża periklu lil dawk involuti.
3:00 p.m: Tfittxija għal persuna fil-baħar
Uffiċjali tal-Forzi Armati għaddejjin bi tfittxija għal persuna li għal xi raġuni spiċċat fil-baħar fil-limiti ta’ Sant Iermu fil-Belt Valletta.
Fuq il-post hemm diġà tim mediku mill-Isptar Mater Dei lest biex jassisti lill-persuna li kienet irrappurtata li spiċċat fil-baħar. Hemm ukoll uffiċjali tal-Pulizija.
Aktar informazzjoni kif taslilna…