Raġel kellu jiddaħħal l-isptar wara li aktar kmieni għall-ħabta tal-5:30 a.m kien involut f’inċident tat-traffiku fi Triq il-Marfa fil-Mellieħa.
Skont l-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li r-raġel ta’ 24 sena residenti Ħal Qormi kien qiegħed isuq buggy tal-għamla Polaris RZR meta għal xi raġuni nqaleb.
Minnufih issejjaħ tim mediku u ambulanza li taw l-ewwel assistenza lis-sewwieq sakemm seta’ jittieħed lejn l-Isptar Mater Dei għal aktar attenzjoni medika.
Aktar tard irriżulta li r-raġel sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.